Avveniment għall-familja kollha nhar is-Sibt fil-Birgu!

 Avveniment għall-familja kollha nhar is-Sibt fil-Birgu!

Ivvjaġġa lejn il-passat billi tieħu lill-familja tiegħek sal-Ġnien Fuq il-Glażiż, fil-Birgu. Fost it-teżori li wieħed isib f’din il-belt storika, hemm is-Santa Margherita Lines, fortifikazzjoni tas-seklu 17 li nbniet mill-Ordni ta’ San Ġwann. Parti mid-difiża li kienet żona ħadra mitluqa, nbidlet fi ġnien propju fuq il-glażiż, li issa tista’ tospita persuni ta’ kull età.

Infatti propju nhar is-Sibt, 1 ta’ Ġunju se jkun organizzat avveniment għall-familja kollha bejn l-4pm u s-7pm. Waqt dan l-avveniment se tkun tista’ tara t-trasformazzjoni li saret fuq din il-parti tad-difiża tal-belt, kif ukoll tipparteċipa f’diversi attivitajiet u logħob għat-tfal. Avveniment perfett bħala ħarġa tal-familja.

Organizza xi picnic ma’ sħabek, iddiskuti l-aħħar episodju ta’ Love Island, jew ilgħab xi logħba karti fil-picnic area tal-ġnien, kompluta b’diversi mwejjed u bankijiet. It-tfal żgur se jieħdu pjaċir hekk kif il-ġnien fih ukoll żona għalihom fosthom bandli, ħbula u l-ewwel zipline f’Malta. U jekk għandek xi kelb, dan tista’ tieħdu miegħek għax fil-ġnien hemm ukoll park apposta għall-klieb.

Minkejja li l-ġnien ingħata ħajja ġdida, iżda għadu qed jospita siġar li għandhom aktar minn mitt sena, li jipprovdu dell tant bżonnjuż partikolarment fil-ġranet sħan tas-sajf.

Allura nhar is-Sibt li ġej, mur sal-Birgu u żur dan il-ġnien rinovat għall-ewwel darba mal-familja u l-kelb tiegħek! Żgur mhux se jiddispjaċik.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com