5 pjanti ideali għal dawk li mhux kapaċi jżommu pjanta ħajja!

 5 pjanti ideali għal dawk li mhux kapaċi jżommu pjanta ħajja!

Mhux kulħadd jirnexxielu jżomm il-pjanti fid-dar tiegħu ħajjin. Min jagħtihom wisq ilma, min jinsa li jeżistu, min ippoġġi pjanta li għandha bżonn id-dell, fix-xemx, u min viċi versa…insomma, issib minn kollox. Jekk inti t-tip li ma jirnexxielekx iżżomm pjanta ħajja, hawn taħt se ngħidulkom ftit pjanti ideali għalikom, partikolarment għax għandhom bżonn attenzjoni minima.

1. Is-Sansevieria

Din il-pjanta għandha bżonn livell ta’ kura minimu. Infatti m’għandhiex bżonn ħafna ilma u wieħed għandu jistenna sakemm il-ħamrija tinxef kompletamet qabel ma jsaqqiha. Apparti minn hekk, din tista’ tpoġġiha fejn trid għax b’saħħitha biżżejjed biex tittollera nuqqas ta’ dawl u anke ħafna dawl.

2. Iż-Zamioculcas zamiifolia

Din il-pjanta wkoll għandha bżonn livell ta’ kura minimu. Trid issaqqiha biss meta l-ħamrija tinxef kompletament. Jirnexxielha tgħix ukoll f’partijiet tad-dar fejn ma tarax ħafna dawl.

3. Il-Chlorophytum comosum

Din il-pjanta għandha bżonn livell moderat ta’ ilma, il-ħamrija għandha titħalla dejjem ftit imxarrba. Għandha bżonn dawl qawwi iżda mhux xemx diretta. Madanakollu jirnexxielha tibqa’ ħajja wkoll meta titpoġġa fid-dell. 

4. L-Epipremnum aureum

Din il-pjanta għandek issaqqiha meta l-ewwel pulzier tal-ħamrija jkun niexef. Tista’ titpoġġa kemm f’postijiet fid-dell, kif ukoll fix-xemx. Din il-pjanta tista’ tgħix anke jekk ma ssaqqihiex b’mod konsistenti u jekk titpoġġa f’kundizzjonijiet ta’ dawl differenti.

5. L-Aloe Vera

Din il-pjanta m’għandhiex bżonn tissaqqa b’mod frekwenti u wieħed għandu jistenna sakemm il-ħamrija tkun nixfet biex jagħtiha l-ilma. Jirnexxielha wkoll tgħix f’livelli ta’ dawl differenti Apparti minn hekk, din il-pjanta għandha wkoll ħafna propjetajiet mediċinali.

Inti għandek minn dawn il-pjanti?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com