Il-kelb li għalqulu ħalqu bit-tejp
Ġeneralment aħna poplu li nħobbu l-annimali. Prova ta’ dan huwa l-fatt li bosta minna għandna pet jew iktar id-dar, minn ħuta jew ħut ġo akkwarju, għal għasfur jew iktar ġo gaġġa mdaqqsa, sa qtates, klieb, u min jaf x’iktar.
L-imħabba lejn il-klieb minn dejjem kienet imma donnha żdiedet, forsi għal raġunijiet differenti, fuq kollox minħabba kwistjoni ta’ kumpanija. Bosta sabu skuża biex jagħmlu dik il-mixja jew tnejn kuljum bis-saħħa tal-kelb tagħhom, u dan żgur li jgħin bħala eżerċizzju fiżiku.
Hemm imbagħad min jgħidlek li kelb ma jridx għax wisq storbjuż. Nafu li hemm sidien li jabbużaw u jħallu l-kelb tagħhom maqful barra f’xi bitħa, gallarija jew drive-in matul il-lejl u ħallih imbagħad jinbaħ, bil-konsegwenza li xi drabi jkun hemm dak il-ħin li matulu bħal jinħoloq network ta’ nebħ minn kull rokna tar-raħal li jaf jiffrustra lil min ikun qed jistrieħ jew irid il-kwiet. Imma dan mhux tort tal-kelb!
Każ fl-Italja wassal biex is-sidien ta’ kelb spiċċaw ġew arrestati, imtellgħin quddiem il-Qorti u mogħtija sena ħabs akkużati b’maltrattament kontra l-annimali. L-istaff ta’ skola partikolari innota li ta’ kuljum kien qed ikun hemm kelb ta’ daqs medju f’gallarija b’ħalqu magħluq bit-tejp. Dawn irrappurtaw il-każ lill-pulizija li arrestat lis-sidien tal-kelb li ma ddejqux jgħidu li din tagħhom kienet rutina.
L-arrest u l-piena ta’ dawn is-sidien għandhom iservu bħala ammoniment u eżempju kontra dawk li jinsew li l-annimali domestiċi – u mhux biss – mhumiex oġġetti bla ħajja, u għaldaqstant għandna nieħdu ħsiebhom sewwa, nirrispettawhom u nkunu responsabbli tagħhom daqs li kieku kienu membri tal-familja tagħna. U bosta dan jagħmluh.
Dan jintrabat ukoll mal-imġiba skorretta ta’ dawk li għal xi perijodu partikolari u għal skopijiet egoistiċi jadottaw annimal, bħal qattus jew kelb, biex meta jfettlilhom jabbandunawh u jitilquh għal rasu fit-toroq jew fil-miftuħ. Hemm kampanji sħaħ jiġġieldu kontra dan l-aġir, l-aktar qabel il-vaganzi meta tiżdied it-tendenza li jiġu abbandunati dawn l-annimali.
Għandna nirrispettaw u nħobbu lill-annimali kollha.