Ta’ min hu l-itjeb? Tan-nanna jew tal-mama’?

 Ta’ min hu l-itjeb? Tan-nanna jew tal-mama’?

Waħda mill-gwerer ġenerali f’kull familja huwa min isajjar l-aħjar, in-nanna jew il-mama’! Hawn min jinsisti li bħal tan-nanna ma ssib imkien. Imbagħad hawn min jgħidlek li ta’ ommu ma jparrtu ma’ ta’ ħadd.

Intant, lin-nanna u lill-mama’ tarahom jinbxu lil xulxin jgħidu, “eee l-imqarrun tiegħi jiġi itjeb minn tiegħek ta’!” Imbagħad jidħlu f’diskussjoni dwar l-ingredjenti u għaliex wieħed għandu jwaddab ingredjent minflok ieħor biex jiġi aktar tajjeb. 

L-agħar ħaġa huwa meta inti tkun hemm, tisma’ t-taħdita tagħhom u fil-pront jgħidulek: “int x’taħseb? Ta’ min hu l-itjeb?” U jkun propju dak il-mument meta toħroġ il-bandiera l-bajda, tibda titlob li tinfetaħ l-art u tibilgħek, jiġi l-aptit li tibda tfittex il-bieb li jwasslek għal Narnia…insomma fhimt il-punt. Mistoqsija li taf li tkun xi tkun ir-risposta, xi ħadd se jkun inkazzat miegħek.

Imma nafu wkoll li kulħadd għandu platt favorit li tagħmel ommu, u xi platt favorit li tagħmel in-nanna. Inti x’inhuma l-platti favoriti li jagħmlu jew kienu jagħmlu ommok u n-nanna? Għidilna fil-kummenti?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com