Aħsel snienek, imma xi kultant aħjar tistenna!

 Aħsel snienek, imma xi kultant aħjar tistenna!

Li taħsel snienek tal-inqas darbtejn kuljum hija ħtieġa biex is-snien ma jrabbux tartru, ma jitħassrux, il-ħanek ma jimradx u ħalqek ikollu riħa friska. Idealment, taħsel snienek wara li tiekol u qabel torqod biex ħalqek ikun nadif u f’saħħtu.

Madankollu, hemm sitwazzjonijiet li fihom aħjar iżżomm lura milli taħsel snienek mill-ewwel għax jaf tagħmel iktar ħsara milli ġid.

Jekk tirremetti, qatt m’għandek taħsel snienek mill-ewwel. Il-meraq tal-istonku huwa aċiduż immens. Aħjar tlaħlaq bl-ilma jew tiggargarizza b’xi mouthwash biex ittaffi l-aċtu mill-ħalq u tistenna nofs siegħa għal siegħa qabel taħsel.

Meta tikkonsma ikel jew xorb aċiduż, bħall-frott taċ-ċitru, tadam, luminata, inbid jew kafè, agħti ċans tal-inqas nofs siegħa qabel taqbad l-ixkupilja. B’hekk, il-bżieq ‘jaħsel’ u jmewwet l-aċtu. Jekk tixrob l-ilma tħaffef il-proċess.

F’każ li tkun għamilt jew qed tagħmel trattament fil-ħalq, imxi mal-pariri tad-dentist fuq il-ħasil ta’ snienek għax jaf ittellef it-trattament jew ittawwal il-proċess ta’ fejqan. Imxima’ li jgħidulek il-professjonisti f’każijiet hekk.

Jekk tbati minn ħalq xott jew kellek ħin li fih ħalqek ixxuttalek, aħjar tistenna sakemm ħalqek jipproduċi l-bżieq mill-ġdid, li jgħin biex iħares is-snien. Ixrob l-ilma u agħti ċans sakemm ħalqek jerġa’ jieħu r-ruħ u jaħdem normali.

Fi ċkunitna kienu jgħidulna biex wara li nieklu l-ħelu naħslu snienna mill-ewwel. Din il-mossa twassal biex iz-zokkor jinxtered iktar fil-ħalq, l-iktar fl-irkejjen irqaq tas-snien u l-ħanek. Qabel taħsel, laħlaħ sew bl-ilma u stenna nofs siegħa sakemm il-bżieq jagħmel xogħlu.

Importanti li tieħu ħsieb is-saħħa ta’ ħalqek u snienek. B’ħalq f’saħħtu tħossok aħjar u kunfidenti. Fuq kollox, tgħin lil saħħtek b’mod ġenerali. F’każ ta’ diffikultà, dejjem kellem lid-dentist tiegħek biex tħares mill-ħsara.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com