Tippreferi li tmur għand tabib x’ ħin tista’ jew bl-appuntament?

 Tippreferi li tmur għand tabib x’ ħin tista’ jew bl-appuntament?

Xi darba jew oħra kulħadd ikollu bżonn imur għand it-tabib tal-familja. Tabib tal-familja huwa differenti minn konsulent, u normalment tmur għandu meta tħoss xi ħaġa li tkun trid kura għaliha dakinhar. Eżempju jkollok riħ, influwenza, tqalliegħ, sturdament jew xi sintomu illi mhux ta’ xi emerġenza. Għal każi ta’ emerġenza vera, immorru l-isptar

 

Għand konsulent immorru meta rridu opinjoni aktar speċifika jew esperta. Eżempju għal xi check up t’ għajnejna. F’ dan il-każ, nifilħu nistennew u nagħmlu appuntament

 

Sa qabel il-Covid, ma kinux isiru appuntamenti biex tmur għand it-tabib tal-familja. Kont tmur l-ispiżerija u tintefa’ fil-kju sakemm imiss lilek.( Talanqas kont tkun taħt l-aircondition u ġġib tat-tlett jew ħames Ewro li tkun ħallast talli użajt l-ispiżerija) Biex inaqqsu l-kju ( u l-kuntatt) ħafna tobba bdew jaraw il-pazjenti b’: appuntament . Ħafna għadhom jagħmluha sa llum il-ġurnata, minkejja li l-Covid għaddiet

 

Sistema li għoġbot uħud u darrset oħrajn. Fost il-vantaġġi ta’ din is-sistema insibu illi dak li jkun jaf fi x’ ħin se jidħol għand tabib u m’ għandux bżonn jaħli xi sagħtejn minn ħajtu. Aktar minn hekk ma jkollokx bżonn tistenna f’ kamra mimlija nies jisogħlu jew iniżżlu minn imneħirhom. Tispiċċa tmur għal ħaġa u ddabbar xi ħaġa oħra

 

Minn naħa l-oħra, hawn min jgħid illi qabel kont tmur, u f’ xi ħin it-tabib kien jarak. Bis-sistema tal-appuntamenti, tabib iżomm numru limitat ta’ appuntamenti u jekk ikun qabiżhom, ikollok tmur l-għada, meta probabbli kun mort għal agħar (jew għaddielek)

 

Int x’ tippreferi tistenna wara kju, jew b’ appuntament?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com