Tħobb il-gallettini iżda bid-dietà? Ipprova din ir-riċetta
Meta nkunu qed nagħmlu d-dietà ħafna drabi jiġina aktar l-aptit li nieklu affarijiet ħelwin bħal xi erba’ gallettiniet ma’ xi bela’ te. Imma jkollna ninsistu magħna nfusna sabiex ma nieklux affarijiet ħelwin u sfizzjużi. Madanakollu, hemm ikel alternattiv għall-gallettini li tista’ tagħmilhom id-dar u li huma sani, mingħajr l-użu ta’ dqiq u zokkor.
Ingredjenti
- 120g tamar
- 50g cranberries nixfin
- 30g ħafur
- 60g lewż
- 30g karawett
- 20g żerriegħa tal-qargħa ħamra
- 15g ġunġlien
- 15ml għasel
- 130g ċikkulata skura mingħajr zokkor
- 20ml żejt taż-żebbuġa
X’għandek tagħmel?
- Itfa’ t-tamar u l-cranberries nixfin fl-ilma kiesaħ għal 15-il minuta, imbagħad neħħi l-ilma u ħawwadhom mal-ħafur sakemm il-konsistenza tagħhom tiġi bħal qisha twaħħal.
- Sajjar il-lewż u l-karawett sakemm jiħmaru imbagħad qattagħhom u farrakom. Wara żidhom mat-taħlita.
- Żid ukoll l-għasel u ħawwad sew.
- Qassam it-taħlita fi blalen, iċċattjahom imbagħad poġġihom f’xi mold apposta sabiex tagħtihom il-forma li tixtieq.
- Dewweb iċ-ċikkulata flimkien maż-żejt taż-żebbuġa u wara ferraha fuq il-bażi tal-gallettina, jew inkella iksiha.
- Iddekora l-gallettina billi titfa’ fuqha ftit żerriegħa tal-qargħa ħamra mfarrka.
- Wara poġġihom fil-fridge għal 30-40 minuta sabiex jgħaqad kollox.