X’jiġri lil ġismek meta tixrob l-alkoħol fuq l-ajruplan?

 X’jiġri lil ġismek meta tixrob l-alkoħol fuq l-ajruplan?

Riċerka ġdida qed tissuġġerixxi li meta wieħed jixrob l-akoħol fuq l-ajruplan imbagħad jorqod, jista’ jwassal biex jonqos il-livell ta’ ossiġnu fil-ġisem u żieda fit-taħbit tal-qalb. Dawn iż-żewġ effetti kollaterali jistgħu jpoġġu f’riskju s-saħħa ta’ dak li jkun, speċjalment jekk għandhom xi tip ta’ kundizzjoni medika. L-istudju, ippubblikat fil-ġurnal Thorax, jgħid li dan it-tip ta’ rqad jista’ jwassal għal kwalità baxxa tal-irqad, kif ukoll għal stress fuq is-sistema kardjovaskulari.

Mit-testijiet li saru fuq il-parteċipanti tar-riċerka, nstab li l-livell ta’ ossiġnu fid-demm naqas b’mod sinjifikanti, xi ħaġa li tista’ tkun ta’ periklu kbir għal individwi li diġà għandhom mard tal-pulmun u l-qalb. Intant ir-riċerkaturi qalu li anke individwi li huma f’saħħithom għandhom jaraw li jevitaw li jagħmlu dan ukoll.

L-istudju involva 48 persuna f’saħħitha, maqsumin f’żewġ gruppi. Grupp minnhom ikkonsma l-akoħol, filwaqt li grupp ieħor ma ħa l-ebda tip ta’ alkoħol. Huma raqdu fi pressjonijiet differenti biex ikun simulat l-effett ta’ meta wieħed qiegħed fl-ajruplan. Ir-riżultati wrew li min xorob l-akoħol f’kundizzjonijiet ta’ pressjoni baxxa kellhom il-konċentrazzjoni tal-ossiġnu fid-demm ta’ 85%, meta kkumparat ma’ 88% ta’ dawk li ma xorbux. It-tħabbit tal-qalb żdied minflok tnaqqas għal dawk li kkunsmaw l-akoħol, waqt l-irqad.

Minkejja kollox huwa importanti li nżommu f’moħħna li l-istudju kellu l-limitazzjonijiet tiegħu, inkluż il-fatt li l-grupp kien jinkludi parteċipanti f’saħħithom u f’kundizzjonijiet ikkontrollati, għall-kuntrarju ta’ kif tipikament ikunu fuq l-ajruplan.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-għażla ta’ jekk tixrob alkoħol jew le tibqa’ għażla personali, madanakollu huwa importanti li tifhem l-impatt li dan jista’ jkollu fuq il-ġisem sabiex tagħmel deċiżjoni infurmata.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com