Dan is-sajf organizza vaganza fejn ma tagħmel assolutament xejn…ara kif!
Il-ħajja tagħna ta’ kuljum mimlija storbju u stress, imejls kostanti, laqgħat, u notifiki. Biex tikkumbatti dan kollu, għandek tikkunsidra li torganizza vaganza fejn ma tagħmel assolutament xejn. Iva, sew qed taqra, issiefer u ma tagħmel xejn ħlief ħaġa waħda: tirrilassa.
Vaganza tat-tip, idealment għandha tkun viċin il-baħar, fejn tibdel il-ħoss tan-notifiki deħlin fuq il-mowbajl għall-ħoss tal-mewġ jaħbat mal-blat. Żomm il-mowbajl bl-internet mitfi, jew itfih kompletament u agħmel is-sigħat taqra u tgħum. Iffoka fuq ir-rilassament, ilbes ħwejjeġ ħfief u mingħajr sikkaturi żejda, ħu xi cocktail tajjeb u isma’ mużika li tħobb.
Din it-tip ta’ vaganza mhix waħda li twasslek biex tinjora l-kultura tal-pajjiż jew biex tevita l-avventura għal dejjem, imma hija essenzjali sabiex tirriġenera l-moħħ. Hija pawża mill-ippjannar ta’ vaganza mimlija li xi kultant tgħajjik aktar milli tirrilassak. L-ebda itinerarju jew deċiżjoni ta’ ristoranti, iżda vjaġġ sempliċi, mingħajr stress u ħafna aspettattivi.
Il-ġmiel ta’ din it-tip ta’ vaganza huwa li tagħmel affarijiet sempliċi li ma jikkawżawlekx stress. Tista’ tippassiġġa, tgħum, issuq ir-rota…l-aqwa li dak li tagħmel, ma jinvolvix skrins jew xogħol.
Meta tirritorna Malta wara vaganza tat-tip, tinduna li tidħol lura għar-rutina tas-soltu b’enerġija aktar b’saħħitha. U meta l-oħrajn jistaqsuk kif marret il-vaganza, tista’ ġenwinament tgħid “tajjeb immens” għax dak li verament kellek bżonn kien li tieqaf u ma tagħmel xejn!