Kellha biss 53 sena – Tmut l-attriċi Shannen Doherty

 Kellha biss 53 sena – Tmut l-attriċi Shannen Doherty

Nhar is-Sibt 13 ta’ Lulju mietet l-attriċi Shannen Doherty, wara li għal snin twal iġġieldet kontra l-marda tal-kankru tas-sider. Hija kellha 53 sena.

Ħafna minna jiftakruha bħala attriċi tifla li laħqet il-quċċata tal-fama fis-snin ’90 tas-seklu 20 fil-parti ta’ studenta tal-liċeo fis-serje tv “Beverly Hills, 90210”.

Doherty kienet skopriet li għandha kankru f’sidirha fl-2015 li kien bħal għeb sentejn wara, xi ħaġa li ma damitx ħafna tant li fl-2020 il-marda reġgħet ħakmitha bla ebda tama ta’ fejqan. F’Ġunju tal-2023 kitbet post emozzjonalment qawwija fuq Instagram fejn qalet li l-marda kienet xterdet saħansitra f’moħħha.

L-attriċi twieldet f’Memphis, Tennessee, fit-12 ta’ April 1971. Ma tantx damet ma bdiet taħdem f’Hollywood. Ta’ 10 snin dehret għall-ewwel darba fis-serje “Father Murphy” (1984) u xi snin wara, meta l-familja tagħha marret toqgħod f’Los Angeles, ingħatat parti fis-serje “Little House on the Prairie” (1985) bħala l-bint adottiva ta’ Laura Ingalls.

Minn hemm Doherty baqgħet taħdem bħala attriċi fi rwoli differenti f’shows varji, fosthom “Our House” (1986-1988) u “Heathers” (1989). Imma l-aqwa okkażjoni ġietha meta kellha 19-il sena meta f’“Beverly Hills, 90210” interpretat ir-rwol ta’ Brenda Walsh.

Doherty kellha wkoll il-lat negattiv tagħha għax bħala attriċi kien magħruf kemm hu diffiċli taħdem magħha waqt il-filming, u allegatament spiss kienet tiġġieled ma’ membri oħra tal-cast jew tal-crew, speċjalment mal-attriċi Jennie Garth (Kelly Taylor ta’ “Beverly Hills”). L-aħbarijiet u r-rivisti tal-entertainment kienu jagħmlu festa b’dan kollu tant li lil Doherty għamluha famuża minkejja l-karattru diffiċli tagħha.

Doherty ħalliet “Beverly Hills” wara r-raba’ staġun u sostniet li kienet deċiżjoni tajba ferm għax tatha l-ħin biżżejjed biex tifhem eżattament min hi bħala persuna u mhux bħala stilla kif ippreżentata mill-midja soċjali.

Għalkemm Doherty ħadmet f’xi films oħrajn qatt ma laħqet il-fama li kisbet f’”Beverly Hills”. Għalhekk għamlet paċi mad-direttur ta’ “90210”, Aaron Spelling, li ta rwol ewlieni bħala saħħara fis-serje “Charmed”. Doherty kienet miżżewġha tliet darbiet.

Niftakru li qabilha miet fl-2019 attur ewlieni ieħor f’”Beverly Hills”, Luke Perry.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com