Kont taf li għadu pprojbit tpejjep kannabis f’postijiet pubbliċi?
Hawn min jaħseb li minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi għall-użu responsabbli tal-kannabis, dan fisser li l-kannabis setgħet titpejjep fit-toroq daqs li kieku sigarett normali. Iżda dan mhux minnu. Infatti, dawk kollha li ssibhom ipejpu l-kannabis fil-pubbliku xorta għadhom qed jiksru l-liġi.
Infatti, din il-liġi tgħid li huwa pprojbit li persuna tpejjep il-kannabis f’post pubbliku jew f’post fejn għandu aċċess għalih il-pubbliku. Huwa wkoll ipprojbit li tpejjep il-kannabis fil-preżenza tat-tfal u minuri, anke meta tagħmel dan fil-propjetà privata tiegħek.
Il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis ġiet ikkreata biex toffri qafas regolarizzat għal dawk li jużaw il-kannabis biex jagħmlu dan b’inqas riskju għal saħħithom. Ir-realtà tas-soċjetà tal-lum hija li l-użu tal-kannabis qed jiżdied sena wara sena, u għalhekk qafas tat-tip ma kienx biss bżonnjuż, iżda neċessarju.
Apparti minn hekk l-iskop tar-riforma huwa li jbiegħed lil dawk li jużaw il-kannabis mis-suq illegali tad-drogi. Dan minħabba l-perikli kbar għas-saħħa li jġib miegħu, speċjalment fejn tidħol il-kannabis sintetika u kkontaminata.
Affarijiet oħrajn li għandek tkun taf skont il-ligi li tirregola l-użu responsabbli tal-kannabis
- Fid-dar tista’ tkabbar sa massimu ta’ erba’ pjanti għall-użu personali. Dawn ma jistgħux ikunu aċċessibbli jew viżibbli minn terzi u/jew mit-triq.
- Il-kannabis ma tista’ tinkiseb minn imkien u mingħand ħadd sakemm ma’ tkunx isseħibt ma’ waħda mill-assoċjazzjonijiet liċenzjati mill-ARUC magħrufin bħala Cannabis Harm Reduction Associations.
- Irid ikollok ‘il fuq minn 18-il sena biex tissieħeb fil-Cannabis Harm Reduction Associations, u trid tkun bilfors residenti f’Malta. Tista’ tkun reġistrat biss f’assoċjazzjoni waħda.
- L-assoċjazzjonijiet ma jistgħux ifornu aktar minn 50 gramma kannabis fix-xahar lil kull membru, b’massimu ta’ seba’ grammi kuljum. Apparti minn hekk, kull pakkett fornut irid ikollu informazzjoni għall-utenti inkluż kif it-tipjip tal-kannabis jagħmel ħsara lis-saħħa u li ma tistax tużah jekk ser issuq jew waqt tqala, u fejn wieħed jista’ jfittex l-għajnuna jekk jixtieq jieqaf juża l-kannabis.
L-Awtorità tibqa’ dejjem tisħaq u tenfasizza fuq l-osservanza tal-ligijiet u l-użu responsabbli tal-kannabis filwaqt li żżomm kuntatt mal-Pulizija responsabbli mill-infurzar tal-liġi.