Li tkun gustuża jgħinek fuq il-post tax-xogħol

 Li tkun gustuża jgħinek fuq il-post tax-xogħol

Qatt staqsejt lilek innifsek jekk persuna attraenti għandiex vantaġġi fuq post tax-xogħol? Ħafna postijiet tax-xogħol jiġu mogħtija wara intervista u wara li l-kumpanija tara illi l-persuna intervistata hija ikkwalifikata għal dak ix-xogħol. Imma taħseb illi jekk żewġ persuni ikunu marru tajjeb fl-intervista u jkollhom l-istess kwalifiki, il-probbabilta hi li l-persuna attraenti tingħata l-impjieg?

Jekk qed taħseb li iva, serraħ moħħok li m’intix waħdek. Xi kultant apparti l-intervista u l-kwalifiki, tingħata vantaġġ lil ċertu persuni, f’dak li jissejjaħ “ Lookism”. Fl-2019, l-awtur Chamorro-Premuzic semma li persuni attraenti għandhom aktar possibilità li jiġu msejjħa għall-intervista u jiġu impjegati minn persuni oħra. Aktar minn hekk, l-istess awtur isemmi illi persuni “ ħelwin” għandhom aktar ċans li javvanzaw u jaqilgħu aktar flus. Biex ikompli jintefa’ l-melħ fuq il-ferita, xi Chamorro-Premuzic isemmi illi dak l-kumpaniji idumu jaħsbuha ftit aktar sabiex ikeċċu persuna attraenti.

Studji mill-Universita ta’ Buffalo u Harvard ukoll ikkonfermaw dan il-vantaġġ illi għandhom in-nies ħelwin. L-ewwel ma tiekol l-għajn, u allura persuna ħelwa għandha aktar opportunita li tingħata impjieg f’xogħol li trid tiffaċċja n-nies (eżempju Customer Care jew Sales).

Biss jista’ jkun illi persuna ħelwa ma tiġix impjegata fuq il-bażi tal-wiċċ. L-apparenza tkun qed tagħmel id-differenza. Imma mhux għax il-bord tal-intervisti jkun ħares lejn il-wiċċ. Jista’ jkun illi persuna attraenti tkun aktar kunfidenti u allura jirnexxielha timpressjona b’dan il-mod.

Bl-ebda mod ma rridu naħsbu illi kull min hu mlaħħaq u gustuż qiegħed hemm minħabba l-apparenza. Probbabilment huwa ikkwalifikat u kapaċi. Imma l-apparenza tkun tagħtu dak il-vantaġġ

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com