Xi twieġeb meta jistaqsuk “X’għandna?”

 Xi twieġeb meta jistaqsuk “X’għandna?”

Xi ħaġa komuni ħafna meta niġu wiċċ imb wiċċ ma’ kollegi tagħna fuq il-post tax-xogħol jew niltaqgħu b’kumbinazzjoni jew le ma’ persuni li nkunu ilna ma naraw hija li nsellmulhom b’xi kelma jew frażi partikolari.

Hemm min iżommha ħafifa u jgħidlek “Bonġu” jew “Kif inti sieħbi?” Jekk dak li jkun jgħidlek “Bonġu” inti tista’ twieġbu bl-istess mod, imma “Kif int sieħbi?” hija diġà iktar impenjattiva għax meta tistaqsiha lil ċerti wħud jafu ma jweġbukx għax iħossuha tqila, l-aktar jekk ma jkunux għadhom daqqu l-10 ta’ filgħodu. Hemm min ma jikkomplikax l-affarijiet u jwieġeb “Ok” jew “Orrajt” u barra bid-daqq u ġewwa biż-żfin, kulħadd jibqa’ għaddej għal rasu.

Personalment inħoss li meta tiġi wiċċ imb wiċċ ma’ xi ħadd u biex isellimlek jgħidlek “Kif inti?”, dan ma jfissirx li huwa lest jieqaf u jisma’ jekk inti tinsabx tajjeb jew le, imma hija biss frażi li tingħad għall-okkażjoni, dik li jsejhulha cliché. Allura dak li jkun kulma jkun irid jisma’ hi tweġiba bħal “Tajjeb” jew “Mhux ħażin”, ħalli jaqta’ fil-qasir u ma jinħeliex il-ħin.

Lili tgħaġġibni u tħallini b’ħalqi magħluq tislima tip “X’għandna?” Għalija mistoqsija bħal din għandha piż u profondità kbar immens. Malli nismagħha tingħad mill-ewwel jgħaddi dal-ħsieb minn moħħi: Imma dak li qed jistaqsiha jaf kemm tfisser tislima-mistoqsija bħal din biex qed jgħidha? Biex niċċajta bosta drabi lil dak li jkun inwieġbu “Uuuu… kemm għandna affarijiet. Lest tieqaf u tismagħhom?” U dak i jkun bħal jagħtini ħarsa kerha jew stramba – u bir-raġun għax ma jkunx lest għal dak li nkun għedtlu – u jibqa’ għaddej.

Biż-żmien tgħallimt x’għandi nwieġeb għat-tislima “X’għandna?” Kemm ngħid “Orrajt”, “Hekk u hekk”, “Insomma”, “Uuu… Għaddejjin”. Hemm min għal mistoqsija bħal din tisimgħu bħal pappagall iwieġeb “X’għandna?”. Dan kollu prova li frażijiet bħal dawn huma biss bħal vizzju fuq fommna li biż-żmien tgħallimna nirrepetu, hekk biex bħal nikkonfermaw il-preżenza ta’ dak jew dik li nkunu ġejna wiċċ imb wiċċ magħhom.

Inti kif issellem lill-ħbieb tiegħek?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com