F’liema kuluri jfakkrek pajjiżek?

 F’liema kuluri jfakkrek pajjiżek?

Ftit tal-jiem ilu kelli l-opportunità nattendi għall-ftuħ ta’ wirja tal-arti f’Għawdex. Kienet okkażjoni sabiħa ferm anki għax kelli l-ħin noqgħod nifli fil-kwiet numru ta’ pitturi magħmulin b’midja differenti. L-iktar li laqtuni kienu l-ilwien użati. Ilwien li xi wħud minnhom ħassejthom bħal jinfduni, iċaqalquni minn ġewwa, u naħseb dwar x’kien l-effett tagħhom fuqi.

Ġietni wkoll din il-mistoqsija f’moħħi: “Liema huma l-ilwien li jfakkruni f’pajjiżi?” Ftakart minnufih f’passatemp għal qalbi: il-fotografija. Ftakart li kulur li jispikka ħafna fir-ritratti li nieħu huwa l-ikħal, dak tal-baħar u anki dak tas-sema bnazzi. Huma żewġ elementi naturali li ngawduhom matul il-parti l-kbira tas-sena u huma r-raġuni għaliex il-gżejjer tagħna huma tant maħbuba mill-barranin li jgħixu f’postijiet iktar kiesħa u griżi. Spiss naqbadni nħares ’il fuq meta nsibni f’wesgħa miftuħa u nkun nista’ ngawdi l-kobor tas-sema bnazzi u blu! Imma ninħakem mid-diqa meta nidħol f’xi toroq jew bliet fejn il-bini għola bla rażan u seraq biċċa kbira minn din l-isbuħija naturali!

Hemm imbagħad l-aħdar li jfakkarni fl-isbuħija tal-kampanja Maltija fl-istaġuni li jiġbdu matulhom ix-xita. Iva, hemm ġranet jew ġimgħat matul ix-xitwa jew ir-rebbiegħa meta tħares lejn l-għoljiet u l-widien Maltin u tarahom miksijin bil-ħaxix aħdar, aħdar ikanġi, skont il-pjanta li tkun. Huwa żmien li tkun tixtieq ma jgħaddix għax ifakkar fil-ħajja li taf titwieled mill-ħamrija għammiela.

Fl-istess żmien taf tara għelieqi sħaħ miksijin bl-isfar tal-lellux jew tal-Ingliża, jew bl-aħmar tas-silla jew tal-peprin. L-aħmar huwa l-kulur tal-ponsjetta li tispikka matul żmien il-Milied, imma din l-istess siġra taf tibqa’ tferraħna bil-fjura ħamra tagħha anki iktar tard matul is-sena. L-istaġun tar-rebbiegħa jġib miegħu l-ilwien sbieħ tal-ġakaranda (il-vjola li jsaħħar) jew tal-buganvilla li xxeblek ma’ bosta faċċati tad-djar tagħna. Kemm hu sabiħ lewn id-deheb tal-qamħ f’Ġunju!

Isaħħruni l-ilwien tal-gallariji tradizzjonali – l-iktar il-blu, l-aħdar u l-aħmar – u li jfakkruni f’Malta tal-imgħoddi meta ma kinitx għadha mgħottija bi blokok griżi u monotoni tal-konkrit. Is-sajf iġib miegħu ukoll l-ilwien maġiċi tal-murtali magħmulin b’tant sengħa.

Ma ninsewx l-ilwien tal-bandiera Maltija: l-abjad u l-aħmar.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com