Meta tkun imdejjaq liema ħanut tfittex li żżur?

 Meta tkun imdejjaq liema ħanut tfittex li żżur?

Fil-Psikoloġija hemm dik li jgħidulha “retail therapy”. Dan iseħħ meta nkunu mdejqin u mmorru nixtru fil-ħanut preferut tagħna biex wara ftit nerġgħu nakkwistaw kontroll fuqna nfusna u fuq l-ambjent ta’ madwarna, u nħossuna ferħanin mill-ġdid.

M’hemmx għalfejn nonfqu flejjes kbar fl-oġġett jew oġġetti li nixtru. Jekk ix-shopping isir b’moderazzjoni allura jaf iħalli effett benefiku fuq il-burdata tagħna. Hemm min iħossu diġà aħjar anki jekk iħares lejn il-vetrini, l-affarijiet li jkun hemm fihom għall-wiri u l-mod kif inhuma mqegħdin u ppreżentati.

Dan għax meta mmorru nixtru taf issarraf f’esperjenza li tistimulalna s-sensi. Kemm ir-riħa ta’ xi ħaġa ġdida, kif ukoll id-dwal qawwijin u vetrini mimlijin kuluri jafu jgħinuna ninqatgħu ftit mir-realtà stressanti ta’ kuljum, imqar għal ftit.

Personalment, meta nkun xi naqra “down” infittex il-konfort ta’ ħwienet jew vetrini partikolari. Fl-ewwel post inqiegħed il-ħwienet tal-kotba, għalkemm minn dawn hawn Malta ma tistax tgħid li hemm minnhom proprja, bħal dawk li nsibu fl-Italja jew fl-Ingilterra. Mawra sa ħanut fejn hemm il-kotba, ġodda jew second hand, mill-ewwel tbiddilli l-burdata minn lejl għal nhar. U jekk jirnexxili nsib dak il-ktieb speċjali li jiġbidli l-attenzjoni u nieħdu lura d-dar, ikun daqslikieku rbaħt il-lotterija!

Fit-tieni post hemm il-ħanut tal-ħelu. Minn dawn hawn Malta għandna kemm irridu, kemm lokali kif ukoll ħwienet li jbigħu ħelu tipikament barrani. Ma jfissirx li kull meta nħossni mdejjaq arani nidħol f’ħanut tal-ħelu u nixtri xi kannol, pasta, brownie, xi biċċa apple pie, jew trifle ala Maltija! Imma li nara quddiemi dik il-vetrina mimlija ħelu ta’ kull daqs u lewn differenti diġa’ tgħollini mas-seba’ sema! U xi ngħidu għar-riħa ta’ ħelu jew kafè jew hot chocolate li jkun hemm fi ħwienet bħal dawn?!

Hemm min f’waqtiet ta’ diqa jħobb ifittex ħwienet tal-ħwejjeġ. Illum jeżistu anki t-trift shops minn fejn tista’ ssib ħwejjeġ sbieħ u interessanti li ħaddieħor warrab bi prezz baxx tassew! Oħrajn jafu jsibu serħan psikoloġiku f’xi ħanut tal-apparat elettroniku.

Intom xi ħwienet tfittxu meta tkunu mdejqin?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com