Żaqq birra: xi jwassal għal dan u liema huma l-konsegwenzi?

 Żaqq birra: xi jwassal għal dan u liema huma l-konsegwenzi?

Kemm-il darba smajna l-espressjoni “Rabbejt żaqq birra!”? Tinduna biha għax tibda taraha tixref dejjem iktar ’il barra minn qaddek u taqbeż lil hinn miċ-ċintorin bla ma trid!

Niftehmu… Mhux biss il-konsum tal-birra jwassal għal sitwazzjoni bħal din. Hemm fatturi oħra bħal tip ta’ ħajja bbażata fuq konsum regolari ta’ ikel imxaħħam, nuqqas ta’ eżerċizzju fiżiku u ta’ stil ta’ ħajja fejn inkunu konxji ta’ saħħitna.

Ix-xaħam taż-żaqq huwa l-iktar forma tossika ta’ xaħam. Dan jikkontribwixxi f’li jiżdied ir-riskju ta’ infjammazzjoni, u livelli għoljin ta’ kolesterol, zokkor fid-demm u pressjoni. Dawn eventwalment jistgħu jwasslu għal mard tal-qalb, stroke, attakk tal-qalb u dijabete.

Fl-irġiel xaħam eċċessiv fiż-żaqq jista’ jfisser livelli baxxi ta’ testosterone, mela jekk ma naqbżux il-limiti tal-piż tagħna, inkunu qed ngħinu lilna nfusna nżommu livell san ta’ enerġija u anki tas-sex drive tagħna, speċjalment meta nilħqu ċerta età.

Kull tip ta’ kaloriji jistgħu jżidu x-xaħam fiż-żaqq, inklużi l-alkoħol, is-soft drinks u l-ikel żejjed.

Skont il-Journal of American Medical Association l-irġiel għandhom jinkwetaw jekk qaddhom ikun usa’ minn 102 ċentimetri, filwaqt li għan-nisa l-limitu hu ta’ 89 ċentimetru.

Iż-“żaqq birra” tispikka l-aktar fl-irġiel iktar kemm jikbru, u dan għax ġisimhom jgħaddi minn għadd ta’ bidliet fiżjoloġiċi: jonqos il-livell tal-ormoni, u dan jikkontribwixxi biex jiżdied ix-xaħam madwar il-qadd. Huwa xaħam li jdur madwar l-organi vitali, bir-riskju li jiżdied il-mard.

Apparti dan, iktar kemm nikbru iktar il-massa tal-muskoli tonqos biex jieħu post dan ix-xaħam. Din it-tibdila twassal biex il-ġisem jaħraq inqas kaloriji jum wara jum. Mela, l-uniku mod kif ma nħallux il-piż ta’ ġisimna jiżdied hu:

  • billi nnaqqsu l-ammont ta’ kaloriji fl-ikel li nieklu;
  • billi nżidu l-massa tal-muskoli permezz tal-eżerċizzju fiżiku.

Dan jgħin sewwa fil-proċess li jaħraq il-kaloriji f’ġisimna b’rata kostanti.

Dieti ta’ malajr u ħorox ma jaħdmux f’dal-każ. Hemm bżonn li nitilfu l-piż ta’ ġisimna bil-mod il-mod. Hekk biss inżommu piż normali u nkunu qed ninvestu f’saħħitna fit-tul.

Sors: piedmont.org

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com