Qammiel jew ħali?

 Qammiel jew ħali?

Illum għandna tfal u żgħażagħ li n-nanniet tagħhom qatt ma għexu l-esperjenza kerha u diffiċli tal-Gwerra. Ftit jew xejn għandhom idea ta’ kemm Malta għaddiet minn żminijiet ta’ tbatija fl-imgħoddi mhux imbiegħed.

Min kellu lil nannietu li għexu t-Tieni Gwerra Dinjija jaf li sofrew nuqqasijiet kbar. Apparti n-nuqqa ta’ ikel, nannietna tgħallmu ma jarmu xejn għax fehmu li kollox, anki dak li fil-preżent seta’ jidher inutli, seta’ jiġi utli u siewi xi darba jew oħra.

Anki wara li spiċċat il-Gwerra draw ma jarmu xejn u fejn setgħu jonfqu sold ma kinux jonfqu xelin. Kienu jżommu u jirriċiklaw ħwejjeġ, kartun, fliexken, u bottijiet tal-landa. L-affarijiet li kienu jixtru kienu jservuhom ħajja sħiħa. Kienu wkoll nies bieżla u kienu jqaxxru qamla għal ħabba.

Verament, il-gwerra tgħallem biex ma nkunux ħaljin u biex napprezzaw u nibżgħu għal dak li għandna. Imma ż-żminijiet inbidlu, is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika f’pajjiżna tjiebet, u minn estrem donnu morna għal estrem ieħor.

Fil-preżent lil min jibża’ għal flusu u għal ħwejġu faċilment iwaħħlulu t-tikketta ta’ qammiel. L-idea illum hija ixtri, gawdi u armi. Jekk flus m’għandekx biżżejjed allura tista’ tiddejjen u tħallas bil-mod il-mod bl-imgħaxxijiet. Hekk saret iddur l-ekonomija dinjija. Hemm il-produzzjoni tal-massa, ix-xogħol imħallas biċ-ċejċiet, varjetà illimitata ta’ prodotti minn fejn tagħżel, anki jekk taf li mhux se jservuk iktar minn tlieta sa ħames snin.

Hawn min għal karozza għandu tlieta, l-arja kundizzjunata fid-dar kollha, isiefer tliet darbiet fis-sena, joħroġ jiekol spiss fir-ristoranti u fis-sajf joħroġ bil-boat. X’hemm ħażin f’dan kollu? Il-ħajja qasira tant! Għaliex ma tgawdihiex kemm tista’? U ħallik mill-qamel u l-ħsibijiet żejda!

Din ħela jew le? Il-ħela hi meta tixtri żżejjed jew dak li m’għandekx x’tambih u tispiċċa tarmih anki jekk għadu tajjeb.

Bejn il-qamel u l-ħela hemm il-moderazzjoni. Tgħix u tgawdi l-ħajja imma bla ma tesaġera u tispiċċa toħloq problemi ġodda bħad-djun li ma tlaħħaqx magħhom, ix-xogħol bla waqfien u l-istress żejjed.

Int x’taħseb dwar dan kollu?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com