Kemm tiżen il-mara tiegħek f’birra u fi flus!
Opportunità tajba ferm biex il-koppja jaħdmu flimkien huwa l-Kampjunat tan-North American Wife Carrying, fejn il-koppji jidħlu għal sfidi varji fuq żona ta’ ftit iktar minn 250 metru. Fost l-oħrajn huma jridu jaqbżu ostakli differenti, jgħaddu minn ħofra mimlija tajn u ilma, u jitilgħu telgħa ramlija wieqfa ħafna. Ir-rebbieħa jieħdu kemm tiżen il-mara f’birra u ħames darbiet iktar fi flus.
Din il-kompetizzjoni tibbaża fuq timijiet magħmulin minn raġel u mara, fejn ir-raġel iġorr lill-mara matul żona mimlija ostakli bħal siġar maqtugħin, partijiet diffiċli bir-ramel u oħrajn fejn iridu jgħaddu mill-ilma, parti xejn faċli wkoll. L-iktar żewġ timijiet veloċi mbagħad jikkompetu wiċċ imb wiċċ għall-premju finali. M’hemmx għalfejn li l-koppji li jieħdu sehem ikunu miżżewġin, u lanqas hemm għalfejn ikunu mara u raġel, imma jrid ikollhom mill-inqas 21 sena.
Ir-raġel irid iġorr lill-mara skont l-istil Estonjan, jiġifieri b’saqajn il-mara ma’ għonq ir-raġel u dirgħajha madwar qaddu. Il-koppja rebbieħa, apparti l-premju f’birra u flus, ikollha d-dritt tipparteċipa fil-Kampjunat Dinji li jsir fis-sajf ta’ wara fil-Fillandja.
Minn fejn bdiet kompetizzjoni bħal din? Jingħad li hemm leġġenda Fillandiża li tmur lura għas-seklu 19 li tirrakkonta dwar Ronkainen il-Ħalliel li ried li l-irġiel li jaċċetta fil-banda tiegħu jkunu kapaċi tassew. Biex jidħlu fil-banda tiegħu riedu jikkompetu billi jiġru matul korsa diffiċli bi xkora jew mara (misruqa mill-villaġġi qrib) fuq spallejhom.
L-ewwel event ta’ dan it-tip li seħħ fi żmienna kien fl-1991 fil-Fillandja u parteċipanti barranin bdew jiġu aċċettati wkoll fl-1995. It-tellieqa ssir ukoll fl-Awstralja, fl-Isvezja u fl-Estonja.
Regoli oħra tat-tellieqa huma:
- M’hemmx bżonn li l-kompetitur li jkun qed jinġarr jilbes bilfors il-ħelmit;
- Jista’ jintlibes bħal ċinturin minn dak li jkun qed iġorr, imma dan mhux obbligatorju;
- M’hemmx limitu minimu ta’ piż għall-kompetituri femminili;
- Jekk kompetitur iwaqqa’ lis-sieħba li qed iġorr allura t-tim jiġi ppenalizzat b’żieda ta’ 5 sekondi ma’ ħinu;
- It-timijiet ma jistgħux javvanzaw matul il-korsa mingħajr ma jkunu qed iġorru lill-mara. Jekk dan iseħħ jiġu skwalifikati.
Sors: sundayriver.com