Din x’riħa hi kemm togħġobni?

 Din x’riħa hi kemm togħġobni?

Hemm irwejjaħ li jdejquna ħafna. Imma dan mhux il-waqt meta se nikteb dwarhom. Minflok se nikteb dwar irwejjaħ għal qalbna, dawk li jpaxxuna, jagħmluna henjin, min b’mod u min b’ieħor.

Nieħu gost meta qribi jkun hemm persuni li jżommu ruħhom indaf. Kemm minna kapaċi nagħrfu t-tip ta’ sapuna jew xampù li tkun użat il-persuna li nkunu qribha? Imbagħad hemm min iħobb tant il-fwieħa! Hemm fwiħat irħas li tinduna bihom għax b’xi mod jirritawk, imma hemm ukoll fwiħat iktar fini, minn dawk li jfakkruk fir-riħa tal-fjuri naturali f’nofs il-kampanja.

Hemm min iħobb jidħollok fi ħwienet tal-fwieħa jew profumeriji u jqabbel fwieħa ma’ oħra qabel ma jiddeċiedi liema waħda jagħżel. Kemm fliexken ta’ lewn u daqs differenti!

Irwejjaħ li nħobbu huma dawk tal-ikel. Lili jogħġobni l-iktar l-ikel tipikament Malti. Min ma jagħrafx ir-riħa tajba ta’ xi stuffat Malti, tal-fenek kif insajruh aħna, ta’ xi torta tal-ħut jew tal-irkotta, jew xi dixx imqarrun għadhom ħerġin mill-forn? U min ma jiftakarx ir-riħa tal-patata l-forn bil-bużbież imxerred fuqha? Dik ir-riħa ta’ laħam mixwi flimkien mal-basal u l-patata mgħarrqin fil-meraq lest biex tfittet il-ħobża Maltija fih?

L-irwejjaħ sbieħ ifakkruni anki f’dawk il-perijodi meta nkun imsiefer. Meta nżuru l-bliet ewlenin nafu li hemm toroq fejn jispikkaw irwejjaħ partikolari u għal qalbna. Niftakar ir-riħa tal-ġilda li biha jaħdmu bosta prodotti bħal basktijiet, portmonijiet, keychains jew portafolji. Imbagħad tispikka wkoll ir-riħa li toħroġ mill-ħwienet tal-ħelu li jbigħu ġelati ta’ kull togħma, kannoli, u pasti ta’ kull daqs, togħma u lewn.

Riħa partikolari li tolqotni tassew hija dik tal-kotba antiki għall-bejgħ li ssib fi ħwienet spejalizzati. Dawn huma spazji li jsaħħruni: tidħol ġewwa, fejn bilkemm ikollok fejn tiċċaqlaq u fejn taħkem anki riħa ta’ għeluq u ta’ injam, u tara madwarek eluf ta’ kotba ppustjati fuq xkafef li jgħattu l-ħitan mis-saqaf sal-art u minn rokna għal rokna.

Togħġobni r-riħa tal-ħamrija u tal-ħaxix wara jum xita.

Lilek liema rwejjaħ jogħġbuk? Fejn issibhom?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com