Film jew Rumanz?
Bosta films li naraw huma spiss ispirati minn xi rumanz miktub minn xi awtur magħruf jew inqas magħruf. Għal dawk li jħobbu l-ġeneru tal-fantasy nafu li films bħal Charlie and the Chocolate Factory, Harry Potter, Lord of the Rings, The Hobbit, u Game of Thrones ġew ispirati minn serje sħaħ ta’ kotba miktubin minn kittieba bħal Roald Dahl, J.K. Rowling, J.R.R. Tolkien, u George R.R. Martin rispettivament.
Films jew serje fantaxjentifiċi bħal Blade Runner, The Man in High Castle, Minority Report u Total Recall huma kollha ispirati minn rumanzi jew rakkonti miktubin mill-kittieb Amerikan Philip K. Dick. Min ma rax xi film polizjesk jew xi episodju tad-detective Hercule Poirot ibbażati fuq xi rumanz ta’ Agatha Christie? Imbagħad, għal dawk ta’ età ikbar, jiftakru films ibbażati fuq ir-rumanzi ta’ Charles Dickens bħal Bleak House, Scrooge, Chrismas Carol, Oliver Twist, jew Great Expectations.
Issa l-biċċa hi din: inti tippreferi storja interessanti billi taqraha permezz tar-rumanz, jew billi tara direttament l-adattament ċinematografiku?
Hemm min jippreferi jaqra l-ktieb għax jemmen li fih iktar dettalji, jiddeskrivilek aħjar l-ambjentazzjoni u l-karatteriżżazzjoni u jħallilek iktar spazju għall-immaġinazzjoni tiegħek. Il-ktieb hu dak il-ħabib li tista’ ġġorr miegħek kullimkien u kif ikollok naqra ħin liberu u għall-kwiet tintefa’ taqra paġna wara paġna. Ktieb huwa anki skuża biex issib ftit ħin għalik waħdek, bla ma ħadd itellfek.
Imbagħad hemm oħrajn li jgħidulek li l-qari tal-ktieb jieħu ħafna ħin u jeħtieġ iktar sabar. Għalhekk jippreferu jaraw storja fil-verżjoni filmika. Film ma jdumlekx iktar minn sagħtejn u matulu tkun rajt storja sħiħa, mill-bidu sat-tmiem. Għal min jieħu gost jara xi ħaġa itwal hemm is-serje televiżivi, fejn rakkont jaf jitwal f’diversi episodji. Hawn l-istorja ssir fuq kollox esperjenza awdjo-viżiva, mimlija ħsejjes u lwien differenti, azzjoni u effetti speċjali. Il-film hu esperjenza għaliha u nistgħu naqsmuha ma’ dawk il-persuni li huma għal qalbna.
Il-ktieb taqrah għalik waħdek, filwaqt li l-film hu esperjenza soċjali. Inti x’taħseb dwar dan?