X’tagħmel meta jaqbduk dwejjaq kbar?

 X’tagħmel meta jaqbduk dwejjaq kbar?

“Il-ħajja mimlija inżul u tlajja’”, imma hemm min jemmen ukoll li hija diġà qasira wisq biex tħalli n-negattiv jaħkmek. Intant kulħadd jaf li din iż-żjara qasira – tkunx ta’ ftit sigħat jew ta’ 100 sena jew iktar – li nagħmlu fuq din id-dinja mhix biss ward u żahar.

Hemm dawk l-affarijiet li b’xi mod jew ieħor jinfluwenzawna ħażin u jafu jqabbduna dwejjaq kbar. Fost dawn l-affarijiet insibu:

  • Il-mard jew il-mewt ta’ xi persuna qrib tagħna;
  • L-istress fuq il-post tax-xogħol li jista’ jkun riżultat ta’ kollegi diffiċli taħdem magħhom jew piż ta’ xogħol li ma tlaħħaqx miegħu;
  • Nuqqas ta’ flus u l-fatt li ma tlaħħaqx mal-kontijiet u l-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum;
  • Is-sens ta’ abbandun jew solitudni li nistgħu nħossu wara li niġu abbandunati minn persuni li nkunu miġbudin lejhom;
  • L-ambjent li ngħixu fih, bħal bliet mifqugħin bit-traffiku, sovrapopolazzjoni u bini m’ogħla s-sema;
  • Ġieli ssib min ma jkunx kuntent bih innifsu, forsi karatterjalment jew fiżikament;
  • L-għarfien li m’għadniex dak li konna 20 jew 30 sena ilu, issa li qed noqorbu t-terza età.

U mitt elf ħaġa oħra, xi wħud jistgħu jidhru saħansitra żgħar u banali għal ftit minna.

Dan jista’ jwassal biex naqbdu ċerti abitudnijiet jew vizzji li jkomplu jgħakksuna minflok jgħinuna:

  • tipjip u xorb bla kontroll;
  • niżvugaw fl-ikel bil-konsegwenza li ntellgħu il-piż, jew bil-kontra, nibdew nieklu ftit u nitilfu wisq piż;
  • ningħalqu ġewwa.

Hemm modi differenti kif nistgħu niġġieldu dan is-sens ta’ dwejjaq:

  • Nibqgħu nżommu kuntatt man-nies madwarna u ma nirtirawx mill-ħajja soċjali;
  • Inkunu iktar attivi u nibdew xi tip ta’ eżerċizzju fiżiku;
  • Naċċettaw il-biżgħat tagħna u ma naħarbux mill-affarijiet li nsibuhom diffiċli;
  • Ma nixorbux wisq alkoħol, għax dan jista’ jsir problema serja;
  • Infasslu dieta tajba meta niġu biex nieklu;
  • Ninvolvu ruħna f’rutina ħalli ma jkollniex ħafna ħin liberu biex naħsbu fin-negattiv;
  • Insibu xi ħaġa li tagħtina gost: nisimgħu l-mużika, immorru passiġġata, naqraw ktieb, inċempel lil xi ħabib/a, immorru dawra bir-rota f’xi park jew fil-kampanja qrib.

Inti kif tiġġieled kontra d-dwejjaq?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com