Xi tħobb tniżżel lura miegħek wara safra?
Is-safar sar parti minn ħajjitna. Forsi għax illum iktar mill-bieraħ inħossu l-ħtieġa li naqtgħu ftit mir-rutina, naħarbu miċ-ċokon tal-ispazju li ngħixu fih matul is-sena, u mmorru f’postijiet usa’, iktar miftuħa, fejn hemm bliet kbar, b’mużewijiet, ċentri tax-shopping, toroq twal mimlijin ħwienet, u ġonna kollha siġar u funtani.
Oħrajn ifittxu l-ftuħ tal-muntanji, tal-foresti, tax-xmajjar, tal-għadajjar wiesgħa, fejn l-arja hija nadifa, l-ambjent sielem u lewn aħdar, frott ix-xita li tinżel regolari.
Matul żjajjar bħal dawn barra minn Malta nieħdu mijiet ta’ ritratti biex inġibu lura magħna tifkiriet sbieħ li nkunu nistgħu nkomplu ngħożżu fil-futur. Hemm ukoll min fostna jniżżel souvenirs marbutin mal-post jew postijiet li jkun żar.
Issa, hemm min jikkuntenta b’affarijiet żgħar imma li xorta jaf ikollhom valur sentimentali marbut mal-post li nkunu żorna. Oħrajn jafu jikkuntentaw b’oġġetti ikbar u itqal li forsi jkollhom iktar valur materjali.
Semmejna s-souvenirs: kemm minna jħobb iniżżel miegħu dawn? U kemm għandna minnhom forsi ppustjati f’ordni ġewwa vetrini apposta, jew minsijin ġo xi kexxun jew kaxex partikolari? Fost dawn insemmi l-keychains, il-kalamiti li jitwaħħlu mal-friġis, xi inkwatri żgħar li juru xeni tal-post li nkunu żorna, xi magg jew dvalja li nkunu nistgħu nużaw fil-kċina, xi statwetta magħmula mil-lava jew mill-irħam tal-post, u l-bqija.
Oħrajn jafu jniżżlu magħhom xi xarpa, beritta jew xalla magħmula bl-idejn min-nies tal-post, jew xi portmoni jew handbag tal-ġilda, jew xi platt jew vażun tal-ħġieġ magħmulin b’sengħa u sabar kbir. Hemm min ifittex il-ħwienet tal-antikwarjat u jara jsibx xi ħaġa antika u interessanti bi prezz raġunevoli.
Jiena nfittex il-ħwienet tal-kotba, l-iktar dawk second hand. Nidħol fil-ħanut u diġà niggosta r-riħa partikolari tal-post. Imbagħad insir ħaġa waħda mal-mijiet ta’ kotba użati ppustjati fuq livelli differenti ta’ xkafek kull fejn tħares. Ix-xewqa tiegħi tkun dik li nniżżel miegħi għaxriet ta’ kotba, donnhom ulied li nħobbhom kollha, imma fl-aħħar ikolli niddeċiedi għal tlieta jew erbgħa minħabba kwistjonijiet ta’ piż tal-bagalja.
Inti xi tniżżel lura miegħek meta ssiefer?