Taħsilha l-imħadda tiegħek?
Taħsel il-lożor, il-gvieret, l-investi … u l-imħadda? Fuq kollox, għandek taħsilha?
Imħaded tal-memory foam jew ġel ma jinħaslux fil-magna tal-ħasil però jkollhom investa apposta li tinqala’ u tinħasel. Jekk l-imħadda jkollha xi tebgħa, tista’ togħrok dik il-parti b’xi deterġent imħallat bl-ilma fietel.
Dawk mimlijin bir-rix jistgħu jinħaslu fil-magna tal-ħasil b’ilma kiesaħ u b’settings li ma jkidduhiex fit-tul. Iċċekkja t-tikketta qabel tnixxef bil-magna.
Jekk ikunu tal-polyester, tista’ taħsilhom u tnixxifhom fil-magna tal-ħasil.
Jekk taħsel l-imħadda, jew l-investa, hemm il-benefiċċji. Fuqha tqatta’ mas-seba’ jew tmien sigħat kuljum u maż-żmien takkumula t-trab, insetti, mikrobi, għaraq, bżieq u żjut tal-ġisem. Dawn kollha, skont riċerka li saret, jaf iwasslu għal irritazzjoni tas-sistema respiratorja jew reazzjonijiet allerġiċi.
Li taħsel l-investa diġà huwa pass ’il quddiem għall-indafa u biex tnaqqas l-irwejjaħ. Il-materjal ukoll jagħmel id-differenza: imħaded magħmulin mil-latex, memory foam, ġel jew materjali ipoallerġeniċi ma tantx jattiraw ħmieġ. Materjali sintetiċi, bħal polyester, jitħammġu malajr u jridu jinħaslu iżjed spiss.
Biż-żmien, l-imħadda jaf tinħass bil-boċċi jew titlef l-għamla u tiġi skomda. Jekk tinħasel, dawra fil-magna tal-ħasil jaf iġġibha lura f’posta. Jekk tibqa’ hekk, aħjar taħseb għal waħda ġdida.
L-esperti jirrakkomandaw li imħadda tal-latex jew memory foam għandha tinbidel kull tliet jew erba’ snin u waħda tal-polyester għandha tinbidel kull sentejn.
Dejjem għandek issegwi l-istruzzjonijiet fuq it-tikketta tal-imħadda qabel taħsilha.