StradaRjali: 84.1% Jaqblu Mal-Maskra Obbligatorja U L-Għeluq Ta’ Barijiet Fil-11:00pm
84.1% qalu li jaqblu mal-miżuri ġodda li ħabbar il-Gvern ftit tal-jiem ilu b’rabta mal-Covid-19.
Dan hekk kif minn stħarriġ li għamel StradaRjali.com, 349 persuna minn 415, li jfisser 84.1%, qalu li huma jaqblu mal-miżuri li ħabbar il-Gvern riċentament.
Dan ifisser li huma qablu mal-miżura li qed tara l-użu tal-maskri b’mod obbligatorju mhux biss fuq ġewwa tal-ħwienet iżda anke fit-toroq. Apparti minn hekk, miżura oħra li ħabbar il-Gvern kienet dik tal-għeluq tal-ħwienet tal-ikel, barijiet u kif ukoll każini fil-11:00 ta’ filgħaxija.
Il-Gvern kien ħabbar ukoll li se jkun qed iżid aktar l-infurzar sabiex b’hekk kulħadd ikun qed isegwi dawn il-miżuri. Fil-fatt sa tmiem il-ġimgħa li għaddiet, kienu diġá ngħataw aktar minn 250 multa b’rabta ma’ nuqqas ta’ użu ta’ maskri hekk kif uffiċjali tal-LESA jinsabu jduru l-gżejjer Maltin biex jaraw li kulħadd qed jimxi skond il-miżuri mħabbra.
Intant, kienu biss 15.9% li qalu li ma jaqblux mal-miżuri tal-Gvern, fejn kien hemm min argumenta li dawn il-miżuri, b’mod partikolari tal-barijiet, ma tgħamilx sens hekk kif wieħed xorta se jkun ħareġ u tħallat man-nies. Oħrajn argumentaw li ma jimmaġinawx lilhom infushom jimxu fuq barra u bil-maskra, fejn spjegaw kif filwaqt li f’ristorant, li hu post magħluq, tista’ tinża l-maskra – meta timxi waħdek fuq barra tat-triq qed tintalab tilbisha.
Oħrajn ikkummentaw kif issa kien tard wisq li ttieħdu dawn il-miżuri b’mod partikolari issa li l-gżejjer Maltin raw żieda fil-każijiet tal-Covid-19.