LEJLA RNELLA 2024 – Mużika, Ikel u Gost

 LEJLA RNELLA 2024 – Mużika, Ikel u Gost
Wara s-suċċess tal-ewwel żewġ edizzjonijiet, nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Awwissu li ġej, fil-bajja tal-Kalkara tittella’ t-tielet edizzjoni ta’ LEJLA RNELLA.

Dan l-appuntament mużikali li issa qed jidħol sew fil-kalendarju ta’ Awwissu huwa organiżżat fil-bajja ta’ Rnella li hija bajja popolari mmens mal-Kalkariżi, man-nies tal-akwati u oħrajn.Din is-sena l-Kunsill Lokali tal-Kalkara għal darb’oħra bbenefika minn fondi addizzjonali maħruġa fi skema apposta mid-dipartiment tal-Gvern Lokali taħt is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali sabiex ikun jista’ jtella’ serata li tagħti ħajja u laqta’ differenti lill-bajja ta’ Rnella.

Din is-sena, l-ispettaklu prinċipali waqt LEJLA RNELLA se jkun kunċert live mill-kantant bravi u popolari Glen Vella u Amber flimkien mal-band tagħhom. Qabel dan il-kunċert, dawk preżenti se jassistu għal aktar talent minn Dawn Desira, rebbieħa ta’ The Voice Kids Malta kif ukoll minn Ike u Kaya rappreżentanti tal-Junior Eurovision Song Contest tal-2021. Ma’ dawn jingħaqdu Owen Leuellen u DJ Lorenzo.

Ħerqan biex wara ħafna ħidma, għal sena oħra diversi persuni jgawdu serata mill-isbaħ fil-bajja tagħna. Kuntent li Lejla Rnella qed ikun appuntament annwali fejn bis-saħħa tiegħu namalgamaw l-elementi kollha sajfin f’raħalna. Din is-sena ħdimna biex noffru serata għal gosti ta’ kulħadd u għalhekk l-istedina hija li tiġu u tgawdu magħna’‘ – Wayne Aquilina, Sindku tal-Kalkara.

 

Il-pubbliku nġenerali qed jiġi mħeġġeġ sabiex jipparkja f’żoni partikolari sabiex jattendi LEJLA RNELLA. Żona li fiha jista’ jsir parkeġġ bla problemi hija ż-żona ta’ ħdejn Forti Ricasoli, qrib il-Kappella storika ta’ Wied Għammieq, viċin l-entratura tal-Malta Film Studios, minn hemm bil-pass malajr tasal il-bajja fejn ser titella’ s-serata. Inkella, l-pubbliku jista’ jipparkja mad-dawra kollha tal-Kalkara, inkluż ħdejn il-ground tal-futbol jew inkella ħdejn il-kunvent tal-Patrijiet tal-Kapuċċini, fejn minn hemmhekk se tkun qed tgħaddi ferrovija li minn ħin għall-ieħor twassal in-nies sal-bajja. Dan is-servizz tax-Shuttle huwa b’xejn.

Apparti l-mużika u l-kunċert live minn Glen u Amber, ma jonqosx l-ikel u x-xorb, bejgħ ta’ prodotti u żona għat-tfal.

LEJLA RNELLA hija attivita’ għall-familja kollha. Id-dħul huwa b’xejn mis-7pm ‘il quddiem

Għall-aħħar informazzjoni tista’ żżur il-paġna ta’ facebook u instagram Lejla Rnella

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com