Int ta’ ftit kliem jew tpaċpaċ ħafna?

 Int ta’ ftit kliem jew tpaċpaċ ħafna?

Kull bniedem hu differenti u għandu l-karatteristiċi partikolari tiegħu jew tagħha. Però, hemm karatteristiċi li huma komuni għal iktar minn persuna waħda. Hemm min jemmen li persuni b’karattru oppost jafu jsaddu flimkien, u hemm min jixtieq li jiltaqa’ ma’ dik il-persuna li jkollha l-istess interessi tiegħu jew tagħha.

Issa, immaġina kieku tnejn li jpaċpċu ħafna jiltaqgħu flimkien! X’jiġri? Immaġina wkoll kieku tnejn li bilkemm jgħidu kelma jiġu wiċċ imb wiċċ! X’jiġri?

Hemm persuni li ma jiddejqux jiltaqgħu ma’ persuna waħda u jgħidu kelma flimkien. Dawn huma persuni li jħobbu jiffukaw fuq dak li jkun, forsi jisimgħu xi jkun qed jgħid jew tgħid biex isiru jafuh jew jafuha aħjar. Il-biċċa hija jekk dik il-persuna li tiltaqa’ magħha tkun waħda li ma tħallikx tfendi waħda u ħalliha tgħid u tgħid u tgħid bla ma tkun lesta tisma’ mingħandek imqar x’sar minnek u kif inti!

Bosta drabi l-paċpaċa jagħmlu hekk bla ma jkunu jafu. Ikunu entużjasti biex jaqsmu ma’ dak li jkun l-esperjenzi – sbieħ u koroh – li jkunu għaddew minnhom, forsi anki jżejnuhom bi ftit esaġerazzjonijiet ħalli jħawru r-rakkont tagħhom. Imma hemm min iħossu skomdu tassew fil-kumpanija ta’ persuni li ma jiqfux jgħidu, u hemm min forsi hu persuna iktar ta’ sabar u jħobb jisma’ lill-ieħor jew l-oħra quddiemu.

Huwa tajjeb li meta niltaqgħu ma’ persuni tat-tip “paċpaċa” nuruhom li qed nisimgħuhom, imma m’għandniex niddejqu nuruhom li għandhom iħallu ħin biex nitkellmu anki aħna. Hekk jew hekk għalhekk jgħidulu “djalogu” għax dan suppost isir bejn tnejn. Jekk dak li jkun jiltaqa’ ma’ xi ħadd u jitkellem hu biss, allura jkun qed jagħmel “monologu”.

Il-persuni tat-tip “paċpaċa”  jafu jispikkaw anki fi grupp ikbar ta’ persuni fejn ikunu ċ-ċentru tal-attenzjoni. Jista’ jkun li ta’ madwarhom iħossuhom komdi magħhom ladarba l-“paċpaċa” xi drabi jafu anki jdaħħquk.

Lil dawk ta’ ftit kliem ġieli jaħsbuhom strambi jew ta’ mneħirhom ’il fuq. Kemm hu veru dan?

Inti x’tip inti: tpaċpaċ ħafna jew ta’ ftit kliem?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com