10 pariri ta’ kif għandek tikkomunika ma’ persuna li għandha d-dimenzja

 10 pariri ta’ kif għandek tikkomunika ma’ persuna li għandha d-dimenzja

Ftit tal-ġimgħat ilu ħriġna artiklu li jitkellem propju dwar il-frażijiet li m’għandekx tgħid lil persuna li għandha d-dimenzja. Fil-kummenti tagħkom, tlabtuna niktbu xi ħaġa wkoll dwar modi kif tista’ tikkomunika ma’ persuna bid-dimenzja u għal din ir-raġuni, ktibna dan l-artiklu hawn taħt, ibbażat fuq dak li tgħid l-għaqda Alzheimer’s Society.

  1. Oħloq ambjent fejn iħossuhom sikuri – ara li hemm il-kwiet, il-kalma u biżżejjed dawl. Neħħi distrazzjonijiet bħat-televiżjoni u r-radju ħalli l-persuna tkun tista’ tiffoka kompletament fuq il-konverżazzjoni.
  2. Agħżel il-ħin l-aktar ideali – ikkomunika fil-ħinijiet meta l-persuna tkun l-aktar attenta. Uża sew il-mumenti “tajbin” u biddel l-approċċ tiegħek f’dawk il-ġranet aktar diffiċli.
  3. Isma’ b’mod attiv – oqgħod attent għal dak li qed tgħidlek il-persuna. Uża għajnuniet verbali u non-verbali bħal tħares lejhom huma u jitkellmu u tagħmel sinjali b’rasek biex turihom li qed tifhem. Jekk ma tifhimx, staqsihom b’mod ġentili biex jirrepetu l-frażi mill-ġdid.
  4. Żomm il-paċenzja u l-kalma – uża frażijiet sempliċi u ċari u evita li titkellem mgħaġġel ħafna. Agħti ċans li l-persuna tipproċessa dak li qed tgħid u tirrispondik, anke jekk il-pawża li tieħu biex tagħmel dan tkun twila aktar min-normal.
  5. Irrispetta d-dinjità tagħhom – evita li titkellem ma’ dak li jkun bħal li kieku huma tfal. Daħħalhom fil-konverżazzjonijiet, anke meta tkun qed titkellem ma’ persuni oħrajn, u ara li jħossuhom dejjem ivvalorizzati u rispettati.
  6. Ħu ħsieb il-lingwaġġ tal-ġisem – oqgħod f’pożizzjoni ideali fejn il-persuna tista’ tarak u tisimgħak b’mod faċli, idealment fil-livell tal-vista. Il-lingwaġġ tal-ġisem irid ikun miftuħ u rrilassat sabiex il-persuna tħossha komda miegħek.
  7. Issimplifika l-mistoqsijiet – jekk trid tistaqsihom xi ħaġa, ipprova staqsiha b’tali mod li tkun tista’ titwieġeb b’sempliċi “iva” jew “le”, jew billi tagħtihom għażla bejn ħaġa u oħra, per eżempju: “xi trid, te jew kafe?”
  8. Agħtihom biżżejjed ċans jirrisponduk – ħafna drabi se jdumu iżjed mis-soltu biex isibu l-kliem ġusti biex jirrisponduk. Evita li tinterrompihom jew li tispiċċalhom is-sentenza inti. Meta tagħmel hekk tkun qed tinterrompilhom il-proċess tal-ħsibijiet tagħhom.
  9. Uża għajnuniet viżwali – inkorpora oġġetti, ritratti u sinjali fil-konverżazzjoni li jistgħu jgħinu lil dak li jkun jifhem aktar dak li qed tgħid u jkompli miegħek.
  10. Ibqa’ pożittiv u uża l-umoriżmu – jekk ikun hemm xi nuqqas ta’ ftehim, ipprova idħak dwarhom, magħhom. L-umoriżmu jnaqqas it-tensjoni u jsaħħaħ il-konnessjoni. L-importanti li ma tagħmilx dan b’tali mod li tirredikola lil dak li jkun.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com