Moħħok fit-triq u ħallik mill-billboard!

 Moħħok fit-triq u ħallik mill-billboard!

Il-ġnub tat-toroq li nsuqu fihom huma mimlijin bil-billboards enormi li jirreklamaw prodotti jew servizzi varji. Huma riklami kbar li permezz tal-ilwien, disinni u ritratt ewlieni tagħhom jippruvaw jiġbdu l-attenzjoni tas-sewwieqa jew tal-passiġġieri, anki permezz ta’ messaġġ jew frażi konċiżi li jimmiraw biex jibqgħu f’moħħ dak i jkun.

Għalhekk kemm-il darba sibna ruħna niċċassaw lejn xi billboard filwaqt li għal frazzjoni ta’ sekonda jew iktar ninsew li qed insuqu u minħabba f’hekk stajna konna kaġun ta’ inċident tat-traffiku?

Il-billboards kummerċjali għandhom ikunu sempliċi, kreattivi u jolqtu l-għajn minnufih. L-għan hu dak li min ikun qed iħares lejn il-billboard jassorbi t-tagħrif kollu f’mhux iktar minn sitt sekondi. Permezz tal-billboards min irid ibigħ prodott jew servizz jista’ jibni rapport ta’ familjarità ma’ klijenti potenzjali.

Nafu wkoll li parti mdaqqsa mill-billboards li naraw matul it-toroq Maltin jitfgħulek xi ritratt ta’ xi mara jew raġel sbieħ u attraenti biex iktar u iktar jiġbdu l-attenzjoni ta’ dak li jkun. Iva, fid-dinja tal-pubbliċità spiss tara xi mara jew raġel nofshom imlibbsin sabiex jiġi reklamat xi servizz jew prodott partikolari. U xi drabi tista’ tgħaddilek minn moħħok din il-mistoqsija: imma din l-għera u n-nuqqas ta’ ħwejjeġ x’għandhom x’jaqsmu mal-prodott jew servizz reklamati? Dan iseħħ minħabba li l-mudell jew mudella użati fir-riklam joħolqu sens ta’ xewqa romantika jew sesswali fil-persuna li tkun qed tara r-riklam u b’hekk titħajjar iktar tixtri l-prodott reklamat.

Imbagħad hemm dawk il-billboards li jirreklamaw prodotti alimentari, mela ikel. Tkun għaddej issuq u fil-ġenb tara bħal tistiednek biex tieqaf u xxommha, idduqha u tikolha xi burger enormi mħawra bil-ħass, il-ketchup, il-mayonnaise, u l-bqija. Jew inkellha tkun għaddej minn xi bypass u tara fil-ġenb xi ġelat ġgantesk irreklamat u bla ma trid ħalqek jibqa’ jipproduċi l-bżieq żejjed u l-attenzjoni tiegħek tinsa s-sewqan.

Nittama li ma naslux f’dan l-istat meta nħarsu lejn il-billboards li dejjem iktar qed ikunu kreattivi u provokanti.

Inti x’tippreferi tara fuq billboard: xi mudell/a sbieħ u sexy jew xi prodott tal-ikel?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com