Persunaġġi partikolari f’raħli li ma ninsa qatt

 Persunaġġi partikolari f’raħli li ma ninsa qatt

F’kull raħal hemm dawk il-persuni partikolari li jispikkaw minħabba raġuni jew oħra. Min jaf kemm minna kienu jiltaqgħu magħhom fi tfulithom u wisq probabbli llum tagħhom baqa’ biss it-tifkira.

Fil-post fejn kont noqgħod meta kont żgħir personaġġi bħal dawn ma kinux jonqsu. Fost dawn kien hemm dawk avvanzati fl-età. Waħda minnhom kienet dik l-anzjana li tilfet lil żewġha snin qabel u għalhekk baqgħet tgħix waħedha. Filgħaxija kienet tintefa’ fuq siġġu quddiem l-għatba tal-bieb fl-istaġuni sħan u kulmin kien jgħaddi minn quddiemha kien isellmilha u kien hemm min jitħajjar jieqaf jgħid kelmtejn twal magħha. Fl-istaġuni kesħin kont taraha bilqiegħda fuq l-istess siġġu, imma wara l-antiporta, u kienet issellem bi tbissima sabiħa li kull min jgħaddi u jħares lejha. Kont naraha sejra lejn jew ġejja mill-quddiesa kull darba li kont noħroġ naħsel il-karozza u hi biex tiċċajta kienet tistaqsini meta se noħodha dawra.

Imbagħad kien hemm in-nassab anzjan li kien jirritorna b’gaġġa kbira ġo skora fuq spalltu tard filgħaxija. Imma qabel ma jinġabar lura fir-remissa li kellu kien jieqaf fl-isqaq fejn konna ngħixu u ħallih jitkellem waħdu donnu xi profeta jlissen b’leħen serju u oħxon kliem il-Mulej. Bħala tfal konna nqumu nissemmgħu minn wara t-tieqa, bejn nibżgħu u bejn nitbissmu.

Kien hemm ukoll ġuvni naqra sempliċi, imma kurjuż u attent ħafna għal dak li kien jiġri fiż-żona fejn konna ngħixu. Meta kien jiltaqa’ miegħi kien jifqagħni b’mitt mistoqsija, waħda wara l-oħra. Kont nistħajlu xi kompjuter primittiv li qed jiġbor l-informazzjoni kollha dwar dak kollu li kien iseħħ fil-kwartier tiegħu. Bosta drabi kont inwieġeb b’sabar ħafna mill-mistoqsijiet tiegħu, imma kien hemm id-drabi meta kont naqtagħlu fil-qosor u nibagħtu jsaqqi l-ħass tal-Marsa bil-pulit.

Kien hemm ukoll dik l-omm li meta jtellgħuhielha wliedha – li ma kinux ftit – kienet tgħajjat tant li leħenha kien jidwi mar-raħal kollu u ma tiskotx qabel nofs siegħa litaniji u kliem ħażin.

Hemm xi personaġġ mir-raħal li ma tinsa qatt?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com