Taf kif tnaddaf l-iscreen tal-laptop mingħajr ma tagħmel ħsara?

 Taf kif tnaddaf l-iscreen tal-laptop mingħajr ma tagħmel ħsara?

Għal ħafna, il-laptop huwa għodda indispensabbli li jużaw ta’ kuljum – kemm għall-skopijiet ta’ xogħol u anke għall-skopijiet personali. Huwa fatt, li meta l-laptop jintuża ta’ spiss, l-iktar parti li tiħammeġ malajr u faċilment hija l-iscreen. Għaldaqstant, tajjeb li l-iscreen jitnaddaf spiss hekk kif narawh li jibda jitħammeġ. Madanakollu, dan irid isir b’attenzjoni sabiex nagħmlu ħsara mill-inqas. Qabel xejn, aqra l-manwal tal-laptop tiegħek għax kull oġġett huwa uniku. Mill-bqija, tista’ ssegwi dawn il-passi…

  1. Ara li l-laptop jkun mitfi u li ma jkollu l-ebda wires jew oġġetti oħra mqabbdin miegħu.
  2. Uża ċarruta xotta tal-microfibre biex tfarfar l-iscreen.
  3. Ara x’tip ta’ screen għandek quddiemek qabel ma tuża xi prodotti tat-tindif speċifiċi. Jekk jiġik id-dubju, l-ilma bil-ħall dejjem huwa aktar sigur.
  4. Jekk ser tuża xi spray, qatt tisprejja direttament fuq l-iscreen, imma fuq iċ-ċarruta.
  5. Xarrab b’ilma ddistillat il-ġenb taċ-ċarruta u imsaħ l-iscreen billi tibda minn nofs. Tajjeb li tibda miċ-ċentru u tmexxi għat-tond ħalli ma tħallix daqqiet. Bl-imxarrab evita li tmiss il-kantunieri.
  6. Kif tiġi biex tixxotta irrepeti l-istess moviment bħal qabel.
  7. Ħalli l-iscreen jinxef waħdu.

Wara li tnaddaf l-iscreen, ipprova żommu nadif kemm tista’. Evita li tmiss direttament l-iscreen bis-swaba’ minħabba ż-żjut naturali tagħhom. Biex tnaqqas trabijiet jew ħmieġ milli jkollok fuq il-keyboard, tista’ tpoġġi xi ċarruta rqiqa tal-microfibre fuqha stess qabel ma tkun ser tagħlaq il-laptop.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com