Għandek tibda torqod b’ċikli ta’ 90 minuta? Ara minn hawn!

 Għandek tibda torqod b’ċikli ta’ 90 minuta? Ara minn hawn!

Ġieli tqum filgħodu u tħossok propju fl-ispazju? Bħal qisu ma tafx jekk għadekx mimdud fis-sodda, jew bil-wieqfa tippreprara biex tibda l-ġurnata. Milli jidher, hemm soluzzjoni biex filgħodu tqum ftit aktar f’tiegħek.

Fuq TikTok qed iduru filmati li qed jinkoraġġixxu lin-nies jitgħallmu jorqdu b’ċikli ta’ 90 minuta biex iħossuhom aħjar kemm malli jqumu kif ukoll matul il-ġurnata.

Ċiklu sħiħ tal-irqad huwa stmat li jdum madwar 90 minuta u jikkonsisti fi tliet fażijiet ta’ non-rapid eye movement (NREM) u fażi ta’ rapid eye movement (REM). Meta wieħed iqum fi tmiem il-fażi tal-irqad tat-tip REM, kapaċi jgħinek tħossok inqas fl-ispazju, milli jekk tqum waqt l-NREM. 

Esperti tal-irqad jgħidu li filwaqt li meta wieħed iqum lejn it-tmiem taċ-ċiklu tal-irqad REM, jista’ jħossu aktar f’tiegħu, madanakollu mhux daqshekk faċli li wieħed jikkalkula ċ-ċikli tal-irqad bl-eżatt. Iċ-ċiklu tal-irqad huwa differenti għal kulħadd, u meta wieħed jipprova joqgħod jikkalkula l-ħin jista’ jikkawża ansjetà żejda fuqu nniffsu li tista’ twassal għal kwalità tal-irqad ridotta.

Minflok, huma jgħidu li għandna niffukaw fuq il-kwalità tal-irqad. Meta tieħu xi sjesta, għandek timmira għal 20 minuta b’kollox, filwaqt li bil-lejl għandek torqod bejn 7 u 9 sigħat kull lejl. Il-konsistenza fil-ħinijiet meta tmur torqod u meta tqum għandu benefiċċji fit-tul.

Malli tistabbilixxi rutina tal-irqad, tista’ tesperimenta wkoll li tqum f’ħinijiet differenti filgħodu biex tara x’jaħdem l-aħjar għalik. Imma ftakar, l-irqad tajjeb huwa bbażat aktar fuq konsistenza u tul milli fuq ċikli kkalkulati bl-eżatt.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com