Qatt qlajt rigal li ma għoġbokx?

 Qatt qlajt rigal li ma għoġbokx?

Is-sena hija magħmula wkoll minn dawk il-jiem li matulhom naqilgħu xi rigali, daqqa mistennija u daqqa li jaslulna b’sorpriża. Hemm jum twelidna, hemm il-Milied, hemm l-okkażjoni meta tkun għaddejt minn xi eżamijiet jew ksibt xi ħaġa li tant ħdimt għaliha, u hemm ukoll dawk il-waqtiet meta tirċievi rigal bla mistenni, forsi minn xi ħadd li jħobbok jew jirrispettak, jew biex jirringrazzjak għal xi ħaġa li tkun għamilt miegħu.

Issa, hemm rigali li nieħdu gost bihom meta nirċevuhom, u hemm oħrajn li bihom u mingħajrhom xorta, jew saħansitra bihom inkunu tgħabbejna b’xi ħaġa li totalment m’għandniex bżonnha. Hemm min jieħu gost jirċievi rigali differenti, skont il-karattru tal-persuna li tkun. Rigali żgħar li nħobbu nagħtu huma xi mug jew kikkra mlewnin b’disinni partikolari, xi oġġetti li nkunu nistgħu npoġġu fuq l-iskrivanija fejn naħdmu, xi flixkun tal-inbid tajjeb jew alkoħol ieħor, xi frejm tar-ritratti, xi diary jew notebook sabiħ miksi bil-ġilda, xi pinna xi ftit jew wisq tispikka. Hemm imbagħad min iħobb jaqla’ xi ktieb, basta jkun fost dawk li jintrabtu mal-interessi speċifiċi tiegħu.

Hemm dawk il-persuni li jkunu jikkollezzjonaw oġġetti partikolari, min jaf forsi pupi tal-kina, mudelli ta’ karozzi klassiċi, affarijiet tal-kristall li jitqiegħdu f’vetrina, pjanti u iktar. Għalhekk dak li jkun ikun jaf f’dan il-każ x’rigal jista’ jagħti biex ikompli jarrikkixxi l-kollezzjoni tal-ħabib, ħabiba jew familjari tiegħu.

Hemm imbagħad dawk l-okkażjonijiet meta min jagħtina rigal ma jkunx jafna sewwa u għalhekk jagħtina xi ħaġa li totalment ma nsibux l-użu tagħha. Ġieli rċevejt xi flixkun tal-fwieħa li ma għoġbokx, jew xi flixkun alkoħol minkejja li ma tixrobx? Jew xi xarpa jew par ingwanti li ma tuża qatt, jew xi par cufflinks jew imsielet li ma għoġbukx? X’kienu dawk ir-rigali li dejquk tant li ma użajt qatt? U x’tagħmel b’dawk ir-rigali li taf li m’intix se tuża: twarrabhom f’xi rokna ħa tinsiehom jew tagħtihom rigal lil xi ħaddieħor mal-ewwel okkażjoni li tiġik?

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com