L-edizzjoni li jmiss ta’ Amici se tkun qed tibda…

 L-edizzjoni li jmiss ta’ Amici se tkun qed tibda…

Għal dawk kollha li jħobbu t-televiżjoni Taljana u jsegwu bi ħġarhom il-programmi ta’ Maria de Filippi, riċentament tħabbret id-data tal-bidu tal-edizzjoni li jmiss. 

Amici 24 se jkun qed jibda propju nhar il-Ħadd 29 ta’ Settembru fis-2pm fuq Canale 5, fejn dakinhar titħabbar il-klassi l-ġdida ta’ studenti li jixtiequ karriera bħala kantati u żeffiena professjonali. Il-programm ilu jsir sa mill-2001. L-ewwel żewġ edizzjonijiet tiegħu kienu jġibu l-isem ta’ Saranno Famosi, u wara ħa l-isem ta’ Amici.

Għal dawk li forsi ma jafux dwar dan il-programm, Amici hija skola tal-kant u żfin li ta’ kull sena ddaħħal klassi ta’ madwar 20 student żagħżugħ li jixtiequ karriera f’dawn l-oqsma artistiċi. Huma jgħaddu minn xhur sħaħ ta’ tagħlim u formazzjoni fejn iridu jaraw li jibqgħu dejjem jiżviluppaw it-talent tagħhom sabiex ma jiġux eliminati jew ma jitpoġġewx fi sfida. 

L-istudenti jistudjaw bejn Settembru u Marzu, imbagħad madwar 14 minnhom jgħaddu għall-fażi l-aktar kompetittiva tal-programm: is-Serale. Hawn jikkompetu kontra xulxin, sabiex fil-finali tal-programm jgħollu t-trofew bħala l-aktar talent maħbub mill-pubbliku u l-ġurija ta’ dik l-edizzjoni.

Lura fl-2017/18, il-programm ospita fih ukoll kantanta Maltija li għadha sal-lum tikseb suċċessi fl-Italja: Emma Muscat. Hi mhux talli rnexxielha tidħol f’din l-iskola, iżda saħansitra waslet sas-semi finali tas-Serale.

Inti se tkun qed issegwih?

 

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com