X’tagħmel qabel ma tmur għax-xogħol filgħodu?
Ix-xogħol huwa parti mir-rutina tagħna ta’ kuljum. Inqumu filgħodu biex immorru x-xogħol, jew nagħmlu xogħolna mid-dar fejn noqogħdu, imbagħad lura d-dar, nieklu, nistrieħu xi ftit, u wara mmorru norqdu għal jum ieħor ta’ xogħol l-għada. L-istorja tal-mara tad-dar hija differenti, ladarba sa minn meta tqum filgħodu sa tard filgħaxija jaf ikollha biss ftit ħin ta’ mistrieħ.
Imma, kemm-il darba nistaqsi x’nagħmlu f’dak il-ħin bejn meta nqumu filgħodu u meta noħorġu mid-dar biex immorru għax-xogħol. Hemm min jibda l-jum tiegħu b’sessjoni ta’ taħriġ fiżiku, jew id-dar stess b’eżerċizzji tip pushups, situps, jew yoga, jew inkella jilbes il-ħwejjeġ sportivi u joħroġlok jimxi jew jiġġoggja mqar nofs siegħa, biex wara jieħu xawer, kafè iswed u dritt għax-xogħol.
Hemm min filgħodu jħobb joħroġ mill-ewwel passiġġata qasira jew twila mal-kelb, anki biex jagħmel il-bżonnijiet tiegħu… il-kelb… f’xi roqgħa ħamrija jew ma’ xi arblu.
Min joħroġ barra filgħodu jaf li iktar kemm jgħaddi l-ħin iktar jiżdied it-traffiku, l-istorbju u t-tniġġis fl-arja, u allura jippreferi jqum ftit iktar kmieni biex jevita kemm jista’ jkun dawn l-inkonvenjenzi ta’ kuljum.
Imbagħad hemm min jippreferi jqum iktar relax, jieħu breakfast bil-mod filwaqt li jara xi ħaġa fuq it-televiżjoni – aħbarijiet, xi programm dwar il-gastronomija, forsi xi video mużikali bil-volum baxx – biex imbagħad jinħasel u jilbes bla għaġla ta’ xejn. Hemm min jagħmel tazza te jew kafè u jintefa’ quddiem it-televiżjoni bil-qattus iħarħar fuqu.
Naf ukoll min kull filgħodu jqum ippanikkjat, anki għax jinsa jagħmel l-alarm, jew ma jismagħhiex. Arah jew araha jagħmlu kollox bil-għaġla u jħallu diżordni warajhom, biex imbagħad ix-xogħol jaslulek fl-aħħar mument.
L-ommijiet iridu jieħdu ħsieb il-familja kollha. Ikunu l-ewwel ma jqumu, jippreparaw il-lunch għal kulħadd – jekk ma jkunux lestewh il-lejla ta’ qabel -, imbagħad xi ħaġa breakfast għal kull membru tal-familja, biex imbagħad wara li joħroġ kulħadd u jaqa’ l-kwiet jibdew inaddfu u jpoġġu kollox lura għall-ordni.
Żgur li hemm ħafna iktar xi tgħid. Inti x’tagħmel kif tqum filgħodu?