Fi żmien il-mowbajls u t-tablets għad hemm min jedha bl-ajruplani tal-karti?

 Fi żmien il-mowbajls u t-tablets għad hemm min jedha bl-ajruplani tal-karti?

Mhux daqstant żmien ilu, qabel ma fil-gżejjer tagħna wasal l-internet u dak kollu li ġab miegħu, bħala tfal konna ngħaddu ż-żmien u nissoċjalizzaw b’modi differenti, u li ħafna minnhom kienu joħorġuna barra mill-għeluq tad-djar tagħna. Wieħed minn dawn il-passatempi li permezz tiegħu konna ngħaddu ż-żmien anki mal-ħbieb tagħna kien dak tal-bini u t-tlielaq tal-ajruplani tal-karti. Konna nagħmluhom minn kull tip ta’ karta, fosthom tal-gazzetti, tal-pitazzi, xi foolscap, spiss minn karti ta’ pitazzi li minflok narmuhom konna nirriċiklawhom hekk.

Is-sabiħ ta’ passatemp bħal dan kien li konna ngħaddu ħafna ħin nesperimentaw fil-mod kif għandna nitwu l-folja tal-karta li kien ikollna sabiex noħolqu l-aħjar ajruplan li meta ntajruh itir ħafif, jaqbad l-inqas kurrent tal-arja u fuqu jogħla u jiżloq sakemm jasal ’il bogħod kemm jista’. Kien hemm min saħansitra xtara kotba apposta minn fejn seta’ jitgħallem kif jibni l-aqwa ajruplan tal-karti. Spiss konna ngħaddu wkoll ħin naqsmu bejnietna l-ideat, fis-sens li konna nuru lil ħbiebna s-sigriet wara l-ajruplan li twejna u ħloqna aħna stess.

X’bażż konna ngħaddu! Inkunu bejn tnejn, tlieta jew aktar tfal, kulħadd bl-ajruplan partikulari tiegħu, u ħallina nieħdu ġirja jew induru 360 grad qisna ballerini biex nagħtu spinta lill-mudell ajrudinamiku tagħna u nittamaw li jkun l-ajruplan li jasal l-aktar ’il bogħod. U kemm konna nidħqu!

  • Min kif jitfa’ l-ajruplan idawwar imnieħru ’l isfel u f’sekonda jinstabat fl-art;
  • Min jitfa’ l-ajruplan idurlu darbtejn jew tlieta bħal spirall fl-arja u jaqa’ fl-art ftit ’il bogħod minnu;
  • Min l-ajruplan tiegħu bħal miraklu jirkeb iż-żiffa ħafifa u arah jitbiegħed, ġieli anki bejn 10 u 20 metru ’l bogħod!
  • Min jgħajjat “Uffa!” u min “Wow!”, skont ir-riżultat.

Kien passatemp li jgħinna nieħdu gost, nikkompetu u nkunu kreattivi.

Illum jeżistu saħansitra kompetizzjonijiet internazzjonali fejn persuni speċjalizzati jtajru l-mudell tal-ajruplan tal-karti tagħhom quddiem folol kbar u jirbħu premjijiet importanti. Jeżistu l-Paper Aircraft Association u fuq siti soċjali bħal Facebook issib il-Paper Folding Airplane Association.

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com