Iċ-ċiklisti fit-toroq Maltin: uġigħ ta’ ras jew iktar rispett?

 Iċ-ċiklisti fit-toroq Maltin: uġigħ ta’ ras jew iktar rispett?

Kif nafu, in-numru ta’ ċiklisti fil-gżejjer Maltin żdied ħafna f’dawn l-aħħar snin. Fost ir-raġunijiet hemm il-fatt li żdiedu l-bike lanes fit-toroq Maltin, għalkemm għad hemm ħafna iktar xi jsir f’dan il-każ. Bosta mill-bike lanes huma frammentati jew jispiċċaw fix-xejn wara numru ta’ metri jew kilometri. Oħrajn mhumiex daqstant siguri ladarba fil-ġenb tat-toroq jaf jinġabar skart, żrar u ħwejjeġ oħrajn li jafu jkunu ta’ periklu għar-rikkieba tar-roti u għalhekk xi wħud jippreferu jsuqu xorta waħda fil-korsiji minn fejn jgħaddu l-karozzi. Biex il-gvern iħajjar lin-nies jixtru rota u jużawha ħareġ ukoll bl-iskema li jagħti xi flus lura lix-xerrej b’tali mod li parti mill-prezz tar-rota jkun tħallas mill-Istat stess. Iċ-ċiklisti jistgħu jużaw ukoll il-korsiji merfugħin għall-karozzi tal-linja.

Għalhekk illum tara gruppijiet ta’ ċiklisti jew ċiklisti jsuqu għal rashom, l-iktar filgħodu kmieni jew inkella fis-sigħat bikrija tal-jum matul tmiem il-ġimgħa, meta t-toroq ma jkunux għadhom infaqgħu bit-traffiku. Minkejja li dan huwa passatemp u anki sport, mhix ħaġa faċli li ssuq fit-toroq Maltin u jeħtieġ li jkollok mhux biss is-saħħa, l-iktar meta tasal għal xi telgħa iebsa, imma anki l-kuraġġ, l-iktar meta tasal f’xi parti fejn il-karozzi jibdew għaddejjin ftit ’il bogħod minnek, kważi jkaxkru miegħek.

Għandna nagħtu iktar attenzjoni liċ-ċiklisti meta jkunu fit-toroq. Meta nkunu għaddejjin minn ħdejhom dejjem għandna nħallu dawk iż-żewġ metri spazju bejnhom u l-karozza tagħna. Min-naħa tagħhom però ċ-ċiklisti m’għandhomx jabbużaw ladarba ċerti toroq f’Malta huma dojoq u jistgħu jinħolqu inċidenti koroh bejn karozzi li jkunu qed isuqu f’direzzjonijiet opposti. Hemm ċiklisti li jużaw il-mowbajl waqt li jkunu qed jippedalaw bil-konsegwenza li ma jkunux iffukati mija fil-mija. Dejjem għandhom jobdu r-regoli tat-traffiku u jinfurmaw anki bis-sinjali b’dak li jkunu se jagħmlu lis-sewwieqa li jkunu warajhom jew ġejjin kontra tagħhom.

Nafu li hemm pajjiżi oħrajn fejn iċ-ċiklisti huma rispettati ħafna, u jgawdu minn faċilitajiet aħjar fit-toroq. Nemmen li għalissa t-toroq Maltin għadhom perikolużi ħafna għal min jiddeċiedi jwarrab il-karozza u juża r-rota regolarment u kuljum.

Inti x’taħseb dwar dan?

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com