Tħallina Professor McGonagall!

 Tħallina Professor McGonagall!

Maggie Smith u Professor McGonagall huma l-istess persuna għal ħafna minna. B’xorti ħażina, l-attiċi ħallietna nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Settembru, ta’ 89 sena. Hija mietet filgħodu l-isptar. Ħadet sehem f’bosta rwoli fit-teatru, fuq it-telvixin u anki films f’karriera mifruxa fuq sittin sena. Hawnhekk hawn ħames karattri li ma ħadd ma jimmaġina lil ħaddieħor jinterpretahom jekk mhux lilha.

Ħafna jiftakruha f’Downtown Abbey bħala l-Kontessa Violet Crowley, b’dak l-umoriżmu magħġun bil-pompa tal-astikorazija. Bis-saħħa tal-linji u ħilitha, għarfet toħroġ emozzjonijiet profondi u rebħet bosta premijiet, inklużi Emmy Awards.

Smith interpretat il-karattru ta’ Jean Brodie, għalliema differenti u kariżmatika. Dan il-karattru xprunaha fid-dinja tal-films bħala attriċi prima li kapaċi tidħol f’temi kumplessi u drammatiċi. Il-parti tagħha f’The Prime of Jean Brodie baqa’ ikoniku.

Xi ngħidu għall-irwol tal-Madre Superjura f’Sister Act, karattru b’dixxiplina stretta imma ta’ qalb tajba. Smith, b’ħila kbira, tikkumplimenta l-karattru ta’ Whoopi Goldberg u bejniethom ġibdu xeni komiċi memorabbli li jikkumplimentaw is-serjetà tal-isfond.

Tassew li din l-attriċi kellha karriera mżewqa! F’The Lady in the Van narawha bħala Miss Sheperd, mara anzjana bla saqaf fuq rasha li tgħix ġo vann. Interpretazzjoni mill-isbaħ li kisbet tifħir mingħand l-esperti. Smith uriet kemm hi flessibbli u versatili, bi rwol li juri l-vulnerabilità u ħażen fl-istess ħin.

Nagħlqu b’sehemha fit-tmien films tas-serje Harry Potter. Smith daħlet kexxun fil-karattru ta’ Professor Minerva McGonagall, stretta imma ta’ qalb tajba, maħbub minn mijiet ta’ fans tad-dinja maġika. Ħafna ispiraw ruħhom minn din l-għalliema gwappa, xempju ta’ għerf, saħħa u ġustizzja.

Minkejja li ħallietna, Maggie Smith se tibqa’ ħajja fil-ħafna karattri li interpetat matul il-karriera tagħha.

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com