U jekk jinqata’ d-dawl x’se tagħmel? Kemm-il gadget tuża filgħodu?

 U jekk jinqata’ d-dawl x’se tagħmel? Kemm-il gadget tuża filgħodu?

Qatt ħsibt dwar kemm-il gadget elettroniku nużaw filgħodu? U dan fil-ħin bejn il-waqt meta nqumu mis-sodda u l-waqt meta naslu fuq il-post tax-xogħol?

Nafu li bosta minna l-ewwel ħaġa li nagħmlu hi li niċċekkjaw il-mowbajl tagħna, jew għallinqas nitfu l-alarm tiegħu li tgħinna biex nistenbħu. Hemm min minflok il-mowbajl jitfi l-arloġġ diġitali bid-display tixgħel u forsi jqum filgħodu jew bl-alarm jew bil-mużika ta’ xi radju lokali ddoqq. Matul is-sjuf jaħarqu tagħna ħallina nistrieħu biż-żiffa tal-fannijiet jew bil-frisk tal-arjakondizzjonata li nitfu malli nqumu mis-sodda ħa nibdew jum ġdid.

Hekk kif naqilgħu l-mowbajl minn maċ-charger, ħallina nidħlu fil-kamra tal-banju. Hemm min biex iqaxxar il-leħja juża apparat elettroniku ieħor. Imbagħad, għal min ma jqumx fl-aħħar mument u jieħu l-affarijiet bil-kalma, arah jidħol fil-kċina, jixgħel il-kitla għall-misħun biex jagħmel te jew kafè, jitfa’ xi żewġ slices ħobż fit-toaster, u jaqbad ir-remote tat-tv biex jew jara l-aħbarijiet, jew jekk ma jissaportihomx, isegwi xi programm ta’ filgħodu li ma jdejqux.

Hemm min jiftaħ il-friġġ u joħroġlok il-ħalib jew xi frott jew ħaxix biex imbagħad jitfa’ kollox fil-blender ħalli jippreparalek dak l-ismoothy favurit tiegħu jew tagħha. Oħrajn jitkellmulek mal-Alexia biex awtomatikament tixgħellek il-mużika għal qalbek filwaqt li żżommlok il-kamra f’temperatura ideali biex la joħroġlok l-għaraq fis-sajf u lanqas tħoss il-bard matul ix-xitwa.

Jekk toqgħod tiftakar ftit dawn l-aġġeġġi elettroniċi kollha għandhom il-ħoss partikolari tagħhom, kollha bl-individwalità tagħhom. Id-daqqa partikolari tal-alarms li jdoqqu filgħodu, iż-żarżira ta’ magni bħax-shaver jew il-blender, it-tfaqqigħ tal-molla tat-toaster hekk kif il-ħobż jinxtewa kif suppost, jew tal-kitla elettrika hekk kif l-ilma jbaqbaq.

Wara l-fatra nilbsu u noħorġu mid-dar. Naqbdu l-lift jekk fi blokka appartamenti u r-remote biex niftħu l-bieb tal-garaxx li mbagħad jerġa’ jingħalaq warajna b’għafsa ta’ buttuna oħra.

Kollox jaħdem bl-elettriku. Imma jekk kif ngħidu “Jinqata’ d-dawl”, kważi kważi ma jsir xejn minn dan. Nixegħlu xi torċ tal-batteriji jew xi xemgħa u b’geddum sal-art nippruvaw nirranġaw kif nistgħu. Jieqaf anki l-wifi.

Liema huma l-gadgets elettroniċi li tuża filgħodu?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com