X’jiġri jekk il-gvern jieqaf joħroġ permessi għal bini ġdid?

 X’jiġri jekk il-gvern jieqaf joħroġ permessi għal bini ġdid?

Min ma jafx li pajjiżna kulma hu huwa skoll ta’ 316 km kwadrat f’nofs il-Mediterran? Bosta jafu wkoll li fuq din il-blata ċkejkna qbiżna sew in-nofs miljun bħala popolazzjoni, l-400 elf vettura fit-toroq tagħna, u fqajna parti sostanzjali ta’ pajjiżna bil-konkrit.

Hemm min iqis dan kollu bħala parti mill-mixja li nsejħulha progress. Jgħidlek li l-karozzi jgħinuna naslu minn punti għal ieħor bla ħafna tbatija, u li l-bini huwa meħtieġ, mhux biss għax hu waħda mill-attivitajiet ekonomiċi ewlenin f’pajjiżna, imma anki għax ladarba l-popolazzjoni qed tikber allura d-domanda għall-postijiet fejn in-nies toqgħod dejjem qed tiżdied ukoll.

Imma kemm hu minnu dan? U n-numru kbir ta’ vetturi fit-toroq tagħna u ta’ bini li tiela’, inklużi l-blokkijiet ta’ appartementi, il-lukandi b’sulari addizzjonali u t-torrijiet li telgħu ogħla mill-kampnari u tal-koppli tal-knejjes, huma verament sinjal tal-fatt li ħajjitna sejra dejjem għall-aħjar?

Huwa veru li fil-preżent in-numru ta’ Maltin li mhumiex daqstant kuntenti bis-sitwazzjoni tat-traffiku fit-toroq u bil-mod kif il-bini qed jiekol kull roqgħa raba’ li għandna qed jiżdied? Imma mbagħad hemm min jirraġuna, jekk għandi biċċa art li tista’ tiġi żviluppata, għaliex m’għandix ikolli d-dritt li nagħmel li rrid biha u forsi ndaħħal ftit flus sewwa minnha?

Il-biċċa mhix daqstant faċli li taqta’ linja dritta. Imma rridu niftakru wkoll li hawn Malta qegħdin, u mhux id-Dubai, jew l-Awstralja jew fl-Istati Uniti, fejn art li tista’ tiġi żviluppata hemm kemm trid.

Niftakru ftit kif kienet it-tfulija tagħna, bl-għelieqi hekk kif toħroġ mill-bieb tad-dar, u bina nilagħbu barra mal-ħbieb hekk kif niġu lura mill-iskola. Niftakru li fi tfulitna l-irħula kienu  iktar sielma u konna nitilgħu fuq il-bejt – li kien tagħna – u naraw fil-bogħod: l-Imdina kienet tidher kważi minn kullimkien! Illum x’baqgħalna? Bilkemm bitħa, bilkemm terrazzin, xejn bejt privat, xejn roqgħa ħadra fejn jistgħu jilagħbu t-tfal bla periklu mill-karozzi għaddejjin sfrenati.

Il-permessi għal iktar bini għandhom jitwaqqfu minnufih. Inti x’taħseb?

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com