Kull fejn tħares ħwienet tal-ikel!

 Kull fejn tħares ħwienet tal-ikel!

Hija xi ħaġa li drajnieha sew dik li fl-irħula tagħna kull fejn tħares wisq probabbli se tara ħanut tal-ikel. Iktar u iktar fil-pjazza ewlenija tar-raħal.

Minn naħa din hija barka ladarba l-ikel ma jonqosx u bla ma forsi nirrealizzaw aħna ngħixu fl-abbundanza. Imma min-naħa l-oħra mbagħad aħna poplu wikkiel tant li qegħdin fuq quddiem nett meta nitkellmu dwar problemi bħalma huma l-obeżità u d-dijabete. Imma dan mhux il-lok li nitkellmu dwar il-mard.

Nitkellmu minflok dwar is-sabiħ. Nistaqsi għaliex in-numru ta’ pastizzeriji f’pajjiżna kulma jmur qed jiżdied? Kif tersaq viċin waħda minnhom tibda xxomm dik ir-riħa tajba tistiednek u bla ma trid saqajk joħduk lejn dak il-ħanut ċkejken, b’bank vetrina tal-ħġieġ fuq quddiem mimli bil-barka t’Alla: pastizzi tal-irkotta, tal-piżelli, tal-inċova, biċċiet ta’ torti ta’ kull tip, qassatat, sausage rolls, biċċiet tal-pizza, u l-bqija. Kollha sħan u tajbin! Jgħajtulek u jiġġieldu bejniethom biex tieħu lill-wieħed u mhux lill-oħra.

Imbagħad hemm il-ħwienet tal-ħelu: fuq naħa l-confectioneries, li jbiegħu ħelu ta’ kull tip fosthom doughnuts, biċċiet tal-kejk b’togħmiet varji, pasti ta’ kull tip u daqs, kannoli u x’naf jiena, u fuq in-naħa l-oħra l-coffee shops jew kafetteriji fejn tista’ tpoġġi u tordna te jew kapuċċino flimkien ma’ xi pasta, kannol, sinizza u varjetà ta’ ħlewwiet oħra filwaqt li tgħid kelma mal-ħbieb.

Hemm imbagħad, f’xi rħula, il-forn tipiku li minnu tista’ tixtri kull tip ta’ ħobż, ibda mill-ħobża Maltija, jew tal-kexxun, il-panina, il-ftira, il-qagħqa tal-appostli (meta jiġi żmienha), il-bezzun, u ħafna iktar. Fil-fran issib tixtri ħelu tipiku Malti li tista’ tfittu fil-kafè jew te bħall-krustini, ottijiet, fingers, qagħaq tal-ġunġlien u iktar.

Għal min ma jkunx xeba’ jista’ jgħaddi għand dak li jbigħ il-ħelu Malti. Hemm wieħed fil-pjazza ewlenija tar-Rabat, Malta, jew anki r-Rabat Għawdex: kif tgħaddi minn ħdejhom ixxomm dik ir-riħa ħelwa ta’ ħelu taqsamlek qalbek! Tgħid lil tal-ħanut jagħmillek borża tal-kwart jew tagħżel il-ħelu individwalment u bi ftit ewro tagħmel festa!

Liema huwa l-ħanut tal-ikel favurit tiegħek?

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com