Il-Maltin huma fost il-popli bl-ogħla rata ta’ obeżità fl-Ewropa

 Il-Maltin huma fost il-popli bl-ogħla rata ta’ obeżità fl-Ewropa

Bħala poplu nafu nbatu mill-estremi. Il-Maltin huma fost il-popli bl-ogħla rata ta’ obeżità fl-Ewropa. Ma jonqsux dawk li jbatu b’kundizzjonijiet oħra bħalma huma d-dijabete jew problemi ta’ kolesterol żejjed. Min-naħa l-oħra hemm dawk, li qed jiżdiedu imma mhumiex il-maġġoranza, li qed isiru dejjem iktar konxji tas-saħħa fiżika tagħhom u ħallihom imorru l-gym jew jieklu ikel bħal ħaxix, varjetà ta’ ġewż, lewż u l-bqija, u kif jaqbadhom il-ġuħ ħallihom jiklulek xi frotta jew jixorbulek tazza ilma.

Imma, ngħiduha kif inhi… Dan tagħna mhux pajjiż li jħajrek tagħmel id-dieti u żżomm ħafif fejn jidħol l-ikel. Issib minn kollox: pastizzeriji, dolċeriji, kafetteriji, supermarkets, minimarkets, ħwienet tal-merċa, tal-ġelati, ħwienet tat-take-away, tas-sushi, saħansitra vannijiet u kjoskijiet ambulanti matul it-toroq, fl-oqsma industrijali, jew fil-parkijiet ta’ divertiment fejn jinġabru l-folol matul il-Ħdud u l-festi nazzjonali. U dan kollu minn naħa huwa anki barka, ladarba taħkem l-abbondanza.

L-abbundanza ta’ ikel però ma nsibuhiex biss barra, imma anki fi djarna, partikolarment fil-kabord jew fil-friġġ, mela fil-kċina. Hemm min jiddistingwi bejn l-ikel li nsibu fil-friġġ u dak li npoġġu fil-kabord. Fil-friġġ kapaċi nsibu ħaxix frisk, bajd, ġobon, prieżet u laħmijiet differenti, ħalib u butir, xi frott, u, min jaf, xi tub tal-ġelat, xi pasta jew kejk tal-krema. Hemm min jippreferi jqiegħed xi smoothy jew frott magħsur lesti biex jinxtorbu malli jagħmel bih jew biha l-ġuħ.

Imbagħad fil-kabord insibu ikel fil-bott, pakketti tal-għaġin jew tar-ross, bottijiet tal-kafè jew pakketti tal-kapuċċino lesti biex tiftaħhom u tħallathom mal-misħun u tgawdihom ma’ xi qagħqa tal-ġunġlien jew xi ottu jew krustinu minn dawk it-twal u jqarmċu. Fil-kabord hemm min iqiegħed ukoll varjetà ta’ pakketti tal-gallettini jew saħansitra ċikkulati differenti sabiex malli jaqbdu l-aptit kemm jiftaħ, jagħżel u jiekol.

Kemm minna jaqgħu għal din it-tentazzjoni kull meta ma jsibux x’jagħmlu u jħossu bħal bżonn li jieklu xi ħaġa ħelwa, anki flimkien ma’ tazza te jew kafè taħraq? Kemm minna jteftfu mill-friġġ regolarment?

Għalik, il-friġġ u l-kabord ħbieb jew għedewwa?

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com