Meta xejn ma jmur kif pjanajt… Sitt punti li għandek tiftakar

 Meta xejn ma jmur kif pjanajt… Sitt punti li għandek tiftakar

Tul il-mogħdija tal-ħajja jinqala’ minn kull tip ta’ intopp u allura ma tkunx l-ewwel darba li jkollna nbidlu l-ħsibijiet, nippostponu xi pjanijiet, jew saħansitra nadattaw ruħna għal realtajiet ġodda. Mumenti bħal dawn kapaċi jwaqqgħuna ħażin u jitilfulna l-kuraġġ. Illum ser insemmu xi punti li għandhom jgħinuna f’ mumenti bħal dawn.

  1. Fil-ħajja xejn mhu permanenti: Fil-waqt li nkunu għaddejin minn xi burraxka, aktarx ħlief dlam ma narawx. Għalkemm tibda temmen li żmien bħal dan mhu ser jgħaddi qatt, irridu nżommu f’moħħna li l-ħajja ċiklu u f’xi ħin, anke l-mumenti iebsin jitmewtu. Ipprova tkomplix timla’ rasek b’affarijiet negattivi imma ixħet l-enerġiji tiegħek f’affarijiet oħra.
  2. Il-ġrieħi sinjal ta’ saħħa u mhux dgħjufija: In- nies li niltaqgħu magħhom u ċ-ċirkostanzi li niġu fihom għandhom il-qawwa li jimpattaw ħajjitna u anke jwassluna biex inwettqu xi żbalji. Flok naraw il-kruha ta’ dawn il-ġrieħi, għandna nqisuhom bħala dawk it-tifkiriet li saħħewna jew li sawruna f’dak li aħna llum.
  3. Ibqa’ pożittiv anke meta ta’ madwarek ikunu negattivi: Xi drabi l-aktar nies għal qalbna jistgħu jitfu ix-xewqat jew l-aspirazzjonijiet tagħna. Dan mhux neċessarjament jagħmluh apposta. Sfortunatament, dawn il-persuni għandhom is-saħħa li jinfluwenzawna u allura mhux lakemm il-kunfidenza tagħna tibqa’ daqshekk soda. Meta jiġri hekk, m’għandniex nħallu l-pożittività titlaqna.
  4. It-tbatija tissarraf f’għerf: Kliem ix-xiħ żomm fih. In-nies kbar fl-età għandhom iżjed għarfien għax ikunu għaddew minn kull tip ta’ esperjenza. Meta l-bniedem jibda jikber u jħares lura, ikun tgħallem ħafna aktar dwar l-isfidi tal-ħajja u jsir iktar kapaċi jħares lejn dak li jseħħ madwaru b’mod oġġettiv.
  5. Il-biża’ tistaġnak: Kull darba li nħallu l-biża’ tikkmandana, il-possibilità hija li nipparalizzaw ruħna. Irridu niftakru f’persuni li kellhom is-suċċess u nagħmlu kuraġġ. Dawn in-nies laħqu l-quċċat mhux għax it-triq kienet facli, imma għax komplew mexjin minkejja l-biżgħat kollha tagħhom.
  6. Imxi dejjem ’il quddiem: Il-mument li naqtgħu qalbna, huwa l-mument li nibdew immorru lura. Għandna nagħżlu l-battilji tagħna u nagħmlu kuraġġ biex nimxu fit-triq li nkunu għażilna li nieħdu.

Mhux dejjem faċli tagħmel kuraġġ u tkun pożittiv, imma rridu dejjem inħarsu lil hinn minn dak il-mument ikrah li nkunu fih.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com