Tafu x’festa hemm ir-Rabat illum?
Ir-Rabat, fit-tielet ħadd t’Ottubru, tiġi ċċelebrata il-festa tal-Madonna tas-Saħħa ġewwa l-knisja ta’ San Franġisk. Għal min forsi mhux familjari, din il-Knisja tinsab qrib Santu Spirtu, jew kif inhu magħruf illum, l-Arkivji Nazzjonali.
Huma ħafna l-Maltin devoti li jżuru dan is-santwarju Franġiskan f’dawn il-jiem ta’ din il-festa. Il-festa tal-Madonna tas-Saħħa hija għal qalb ħafna proprju għax taħseb fit-tbatija ta’ min hu marid. Ta’ min ifakkar li peress li fl-imgħoddi Santu Spirtu kien jintuża bħala sptar, kienu jkunu ħafna dawk il-pazjenti jew qrabathom, li kienu jżuru din il-knisja fil-qrib biex jitolbu għall-faraġ u għall- fejqan tal-marid. Ħafna kienu jintefgħu quddiem l-inkwatru tal-Madonna, li dejjem ġibet lejh ħafna nies. Għal kuntrarju ta’ kif aħna mdorrija, l-istatwa tal-Madonna m’għandiex l-istess prominenza daqs l-inkwatru Marjan li kien ġie nkurunat fl-1948 wara li kien intlaqa’ d-dikriet mill-Vatikan. Ix-xbieha tal-inkwatru tal-Madonna ġiet mmudellata fuq il-pittura ta’ La Madonna Orante ta’ Sassoferrato.
Il-Franġiskani f’dan is-santwarju dejjem għamlu l-aħjar li setgħu sabiex id-devozzjoni Marjana ma tintilifx. Iċ-ċelebrazzjonijiet fil-fatt bdew mill-10 t’ Ottubru. Tul dawn il-ġranet ġew iċċelebrati quddisiet għall-volontiera u anke għall-anzjani u l-morda.
Illum, 20 t’Ottubru tingħalaq il-festa tal-Madonna tas-Saħħa. Fil-ħamsa ta’ wara nofsinhar ser ikun hemm l-aħħar quddies solenni biex wara tinħareġ il-purċissjoni li ser tkun qed iddur mat-toroq Rabtin fil-qrib tal-Knisja. Il-purċissjoni ser tkun akkumpanjata mill-banda Konti Ruġġieru u ser tingħata l-konsagrazzjoni u l-barka sagramentali.
Aktar stampi mill-pagna FB – Facebook