Dik it-tajra ttir fil-għoli! Passatemp jew xi ħaġa iktar?

 Dik it-tajra ttir fil-għoli! Passatemp jew xi ħaġa iktar?

Kien lejn l-aħħar tas-snin ’90 tas-seklu li spiċċa meta mort għal ġimgħa l-Kajr, fl-Eġittu. Dak iż-żmien kull filgħaxija, proprju waqt ħin ta’ nżul ix-xemx, kont inħares lejn is-sema u fil-għoli nara xi 30 tajra, donnhom tikka, itiru liberi mal-kurrenti tar-riħ. Ħabib tiegħi li kien jaħdem hemm kien qalli li hemm it-twemmin li aktar kemm it-tajra ta’ dak li jkun ittir fil-għoli ikbar tkun il-possibiltà li Allah jisma’ t-talb ta’ sidha.

Għal ċerti popli fil-Medju Orjent pereżempju, li ttajjar tajra jissimbolizza ħelsien u reżiljenza, imma anki tama. Interessanti l-fatt li l-azzjoni fejn ittajjar tajra bdiet fl-Asja u kienet diġà mxerrda sewwa fiċ-Ċina sa mis-seklu 6 w.K. Għall-ewwel it-tajr kienu jintużaw bħala parti mit-tattiċi militari waqt ċerti battalji, imma iktar tard bdew jintużaw għal skopijiet ta’ reliġjon u ta’ ċelebrazzjoni.

Issa, kemm minna meta konna żgħar konna nġennu lil missierna jew lin-nannu biex jagħmlilna tajra? Min jiftakar kif kienet issir? Jien niftakar lil missieri jagħmlilna xi tajra kultant biex imbagħad immorru ntajruha fil-beraħ f’Ta’ Qali. Kien ikollna bżonn xi strippi tal-qasab irqaq u ħfief, kolla jew xi spag jew xlief irqieq, karta pesta ta’ kuluri differenti, u roll spag twil li mat-tarf tiegħu konna norbtu t-tajra u nħalluha libera ttir skont fejn joħodha r-riħ.

Fuq kollox biex tagħmel tajra jrid ikollok il-ħin u s-sabar, imma anki idea tajba ta’ qisien u ekwilibriju, sabiex fl-aħħar il-prodott finali joħroġ wieħed tajjeb u jaqdi l-funzjoni tiegħu sew. Meta konna mmorru Ta’ Qali għall-ewwel kien ikollna ftit tensjoni sakemm naraw jekk it-tajra li għamilna hijiex tajba. Imma malli tonfoħ l-ewwel żiffa riħ u taraha togħla u tiżfen ħafifa mal-kurrenti tar-riħ konna nitbissmu, ngħajtu bil-ferħ, daqslikieku ma jonqosna xejn iktar.

Għadni sal-lum, matul ċerti xhur tas-sena, nitla’ fuq il-bejt meta x-xemx tkun nieżla, u nara xi tnejn jew tliet tajriet itiru fil-għoli, u nistaqsi min huma dawk li qed ikomplu din it-tradizzjoni.

Inti x’tifkiriet għandek? Qatt tajjart tajra?

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com