Xjentisti jgħidu li l-bnedmin m’għandhomx jibqgħu imqajmin wara dan il-ħin…
Riċerka li saret fl-aħħar snin identifikat li l-bnedmin m’għandhomx jibqgħu mqajmin wara nofssillejl. Infatti, ir-riċerka tagħhom tissuġġerixxi li għandna mmorru norqdu qabel nofsillejl, għax meta nibqgħu mqajmin aktar tard, nistgħu nħallu impatt negattiv kemm fuq is-saħħa mentali tagħna kif ukoll is-saħħa emozzjonali.
L-ixjentisti tal-Università ta’ Harvard ħarġu b’dik li jgħidulha l-ipotesi tal-Mind After Midnight, permezz ta’ studju li kienu wettqu lura fl-2022. Huma sabu li l-moħħ isegwi ċiklu naturali ta’ 24 siegħa. Matul il-lejl, il-moħħ jiffoka ħafna iktar fuq perikli u ħsibijiet negattivi, xi ħaġa li probabbilment evolviet bħala mekkaniżmu uman maż-żmien. L-abbilità li l-moħħ jirregola l-emozzjonijiet u li jagħmel deċiżjonijiet razzjonali tkun aktar dgħajfa bil-lejl u b’hekk iwassal għal aktar ħsibijiet negattivi, atteġġjamenti riskjużi u tibda tixxennaq xi ftit ukoll!
In-newrologa Elizabeth Klerman enfasizzat li l-funzjoni tal-moħħ tiddeterjora wara nofsillejl. “Miljuni ta’ persuni jibqgħu mqajmin f’dawn is-sigħat, u minħabba f’hekk, is-saħħa u sigurtà tagħhom u ta’ dawk ta’ madwarhom tkun f’riskju,” spjegat hi.
Infatti, ir-riċerka tagħhom turi li hemm tliet darbiet aktar ċans ta’ ħsibijiet u twettieq ta’ suwiċidju u anke riskju ta’ overdose fuq l-opjojdi f’dawn is-sigħat tard tal-lejl. L-istudju jitlob għal aktar investigazzjoni dwar kif jiġu affettwati persuni li jaħdmu bix-shift, u x’jista’ jsir biex dawk li jibqgħu mqajmin wara nofsillejl ikunu protetti.