Playcon dan il-weekend: L-akbar avveniment tal-esports u l-video gaming f’Malta
Dan il-weekend fl-MFCC Ta’ Qali ser jirritorna PLAYCON, l-akbar avveniment f’Malta tal-esports u l-video gaming.
Bi spazju mifrux fuq 7,500 metru kwadru, wieħed għandu jsib esibizzjonijiet interattivi u edukattivi għal kulħadd. Fl-avveniment se jkun hemm 60 esibitur, inkluż imsieħba ewlenin tal-industrija fl-iżvilupp tal-logħob diġitali u l-esports fosthom tmien pubblikaturi internazzjonali, b’ismijiet bħal Ubisoft u Kwalee.
Dawk li ser jattendu ser ikollom iċ-ċans li jippruvaw b’xejn għexerien ta’ logħob ġodda u oħrajn ta’ fama internazzjonali, bi programm vast li qiegħed jiġi ppjanat għal dawk kollha li ser jattendu.
L-avveniment se jinkludi wkoll kompetizzjonijiet permezz ta’ logħob popolari bħal Tekken 8, Rocket League, League of Legends, Counter-Strike 2, EA FC 25, Super Smash Bros., u Pokémon VGC.
Se tkun qed tirritorna għal sena oħra l-kompetizzjoni tal-Cosplay is-Sibt wara nofsinhar, b’għexieren ta’ dilettanti diġà rreġistrati biex juru l-kostumi uniċi tagħhom u jikkompetu għall-premju ewlieni ta’ €1,000.
PLAYCON se tkun miftuħa b’xejn għall-pubbliku ġenerali nhar is-Sibt 26 u l-Ħadd 27 ta’ Ottubru, mill-10.30am sas-7pm fl-MFCC, Ta’ Qali.
L-avveniment qed jiġi organizzat għal sena oħra minn GMR, bl-appoġġ ta’ GamingMalta u l-Ministeru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej, u Proġetti Strateġiċi.
Għal aktar dettalji, żur www.playcon.mt.