Inti minn dawn il-persuni?
Inti minn dawk il-persuni li meta jqumu filgħodu ma jieħdu xejn, ħlief forsi kikkra kafè jew te, jew sigarett? Jew inkella inti minn dawk li malli jqumu filgħodu jkunu jridu jsostnu ruħhom b’xi ħaġa, anki jekk dak li jqumu bih ma jkunx verament ġuħ? Jekk iva, x’tippreferi tiekol filgħodu għall-kolazzjon?
Verament, hemm min filgħodu kmieni ma jitlaqlekx ix-xogħol jekk qabel ma jkunx kiel kolazzjon li tah ċertu sodisfazzjon. It-Taljani jafu jqumu, jilbsulek għax-xogħol u jmorrulek dritt għall-bar biex jordnawlek dak l-espresso biz-zokkor u cornetto ta’ filgħodu biex ix-xogħol jaslu bi tbissima u kkargati. Kemm minna l-Maltin għandhom din id-drawwa li l-kolazzjon nagħmluh barra minn darna f’xi kafetterija minn fejn nordnaw xi kapuċċinu ma’ xi toast jew croissant sħun bin-nutella jew bil-ġamm?
Hemm imbagħad min jippreferi jieħu l-kolazzjon tiegħu d-dar. Min ikun mgħaġġel abbli jagħżel li jieħu xi naqra cereal mal-frott imqatta’ u ħalib, jew xi yoghurt, jew saħansitra xi naqra te b’xi biskuttin imfittet fih ta’ malajr. Min forsi jibda x-xogħol aktar tard u ma jkunx daqstant mgħaġġel jagħżillek li jagħmel kolazzjon iktar abbundanti: xi bajda moqlija jew xi omelette, flimkien mat-toast mixwi, xi zalzetta jew tnejn moqlijin akkumpanjati minn tadama maqsuma min-nofs jew ftit baked beans. Dan biex imbagħad ilaħlaħ kollox b’naqra kafè iswed, americano jew kapuċċinu.
Dawk iktar atletiċi arahom jippreparawlek xi smoothy imħawwar bi ħxejjex u frott varjat biex imbagħad joqogħdu joħduh ftit ftit huma u sejrin lejn ix-xogħol. Hemm min jippreferi jżomm ruħu ħafif filwaqt li ma joqgħodx lura minn kolazzjon li kapaċi jsostnih għal matul l-ewwel parti tal-jum. F’dal-każ hemm min jemmen li l-aqwa għażla hija dik ta’ taħlita ta’ bajd, frott, ġewż, lewż u simili, flimkien ma’ żerriegħa varji jew ikel li jkun mimli fibri.
Il-biċċa hija din: kemm ikollok ħin biex tagħmel u tieħu l-kolazzjon? Hemm min saħansitra jikkonsma l-kolazzjon tiegħu waqt li jkun miexi jew isuq fi triqtu lejn ix-xogħol! Inti tippreferi tkun rilassat meta tiekol jew le?