Esperjenza mumenti maġiċi tal-Milied ġewwa l-Park tas-Salini!
Għat-tielet sena konsekuttiva, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir ser jerġa’ jorganizza l-attività tant mistennija ta’ Christmas in the Park, ġewwa l-Park tas-Salini, f’San Pawl il-Baħar.
Din is-sena Christmas in the Park ser isir bejn it-8 u t-22 ta’ Diċembru. F’dan il-villaġġ tal-Milied, il-pubbliku ser ikun jista’ jikseb tagħrif dwar kif nistgħu niċċelebraw dawn il-jiem ta’ festi b’mod aktar sostenibbli. Din l-attività ser tkun imżewqa minn diversi attivitajiet u divertiment għall-familja kollha fosthom logħob għat-tfal, krafts sostenibbli, bouncy castles, face painting u puppet shows. Ser issibu wkoll varjetà ta’ ikel, ħelu u xorb tradizzjonali tal-Milied, kant u mużika minn diversi artisti lokali, kif ukoll gruppi mużikali li ser ikunu qed joħolqu atmosfera mill-isbaħ ġewwa l-Park tas-Salini.
Parti mill-park ser tinbidel f’Enchanted Forest, fejn il-viżitaturi ta’ filgħaxija ser ikunu jistgħu jesperjenzaw atmosfera maġika b’diversi effetti tad-dwal, waqt li jimxu u jammiraw karattri u strutturi b’ħafna lwien mill-isbaħ.
Ser issibu wkoll stands ta’ informazzjoni mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-kampanja Saving Our Blue flimkien ma’ diversi entitajiet fi ħdan il-Ministeru, fosthom Ambjent Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Wasteserv, Circular Economy Malta, Project Green, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC).
Bħala parti mill-kampanja Saving Our Blue, il-pubbliku ser ikollu ċ-ċans jersperjenza realtà virtwali mill-isbaħ dwar diversi żoni marittimi protetti, fosthom filmati esklussivi ta’ Filfla.
U jekk dan kollu mhux biżżejjed, ser ikollkom iċ-ċans ukoll li tkomplu tixtru xi rigali tal-Milied mingħand diversi artiġjana, li ser ikunu qed joffru prodotti uniċi magħmulin lokalment, fosthom għasel, ornamenti maħduma bl-idejn, oġġetti personalizzati tal-injam kif ukoll diversi prodotti taċ-ċikkulata.
It-tfal ser ikollhom l-opportunità li jieħdu ritratt ma’ Santa Klaws u ħafna karattri oħra tal-Milied. Waqt dan il-villaġġ tal-Milied, ma jonqosx ukoll il-presepju ħaj!
Dawk kollha li jixtiequ jattendu Christmas in the Park ġewwa il-Park tas-Salini jistgħu jagħmlu dan f’dawn id-dati u l-ħinijiet: mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn l-4:30pm u t-8:30pm u s-Sibtijiet, Ħdud u festi bejn l-10am u t-8:30pm. Id-dħul għal dan l-avveniment huwa b’xejn!
Wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni mill-paġna ta’ Facebook ‘Sostenibilità’ jew is-sit elettroniku christmasinthepark.mt.