Il-Black Friday: Mill-Kaos għall-Kummerċ
Fl-Amerka, Black Friday huwa avveniment kummerċjali kbir li jiġi l-għada tat-Thanksgiving, btala nazzjonali Amerikana ċċelebrata fir-raba’ Ħamis ta’ Novembru.
Il-jum beda fl-Amerka tal-ħamsinijiet, meta l-għada tat-Thanksgiving, il-Ġimgħa, il-belt ta’ Philadelphia kienet tkun invażata nies biex jixtru u jaraw il-logħba popolari tal-futbol Amerikan bejn it-timijiet tal-Armata u n-Navy. Minħabba l-kaos tal-ġurnata, in-nies laqqmuh Black Friday.
Is-sidien tal-ħwienet kienu jaraw il-jum bħala manna mis-sema għax bil-bejgħ ta’ dakinhar kienu jibdew jiġġeneraw il-qligħ wara li fil-ġimgħat ta’ qabel jkunu ħadmu bit-telf. Tradizzjonalment, fil-kotba tal-kontijiet jiktbu t-telf bl-aħmar u l-qligħ bl-iswed. Għalhekk, Black Friday sar il-jum li fih, kif jgħidu bl-Ingliż, “they move into the black”, jiġifieri jagħmlu l-qligħ. Fit-tmeninijiet, il-jum ingħata laqta iktar pożittiva biex ikattar il-bejgħ.
Illum, Black Friday sar il-bidu tal-istaġun kummerċjali għall-festi madwar id-dinja. Sar ifisser roħs u offerti fuq kollox! Għalhekk il-ħwienet ikollhom bosta attivitajiet, roħs u offerti li jkarkru jiem u ġimgħat biex iqanqlu l-bejgħ. L-eċċitament tax-xerrejja ma jonqosx, kemm dawk li jmorru fil-ħwienet u anki dawk li jinqdew online.