Sena Ġdida, Miri Ġodda – Ara Kif Din is-Sena Ser Jirnexxilek!
Ajma, riżoluzzjonijiet tas-sena l-ġdida! Għal ħafna minna, din hi t-tradizzjoni fejn kollha naħsbu f’lista ta’ miri kbar – u wara xahar, xahrejn… qisu xejn ma ġara. Imma jekk issir bil-għaqal, din tista’ tkun opportunità tajba biex tilħaq l-għanijiet personali tiegħek.
Għaliex jagħmel sens li nagħmlu riżoluzzjonijiet? Għax jagħtuk direzzjoni, jgħinuk tiffoka fuq dak li hu importanti, u jagħtuk il-motivazzjoni biex timxi ’l quddiem. Però, meta l-miri jkunu bħal donnhom xi ħolma – bħal “ser nitgħallem sitta u għoxrin lingwa!” jew “ser nonqos 50 kilo qabel is-Sajf!” – il-probabbiltà hi li tispiċċa titlef il-motivazzjoni u tħossok falliment, u ħadd ma għandu bżonn dik l-enerġija negattiva għas-sena l-ġdida!
Allura, hawn lista b’għaxar riżoluzzjonijiet li tista’ tibda bihom:
- Aqra ktieb fix-xahar. L-ebda pressjoni ta’ “għandi naqra il-kotba kollha Shakespeare”! Imma aktar bħal “immur sal-librerija u nagħżel ktieb li jolqotni”
- Ipprova riċetta ġdida kull xahar. L-ikel għandu jferraħna u mhux jagħmlilna d-dwejjaq, għalhekk kun ġentili miegħek innifsek u għażel riċetti twajba!
- Iqaf għal ħames minuti kuljum. M’għandekx għalfejn tidħol f’meditazzjoni qawwija bħal monk, imma ħu ftit minuti fil-ġurnata biex tieqaf, tieħu nifs fond, u tirrifletti. Jgħin biex tnaqqas l-istress u tpoġġi moħħok fuq il-linja t-tajba. Dan tista’ tagħmlu wara x-xogħol, qabel, matul, x’ħin trid!
- Imxi iktar. M’għandekx għalfejn tagħmel maratoni twal, imma għamel mira, bħal sfida żgħira lilek innifsek tgħid eżempju “kuljum se nagħmel 20 pass żejjed”, tinstema banali, pero jaf tagħmel ġid kbir meta tibda tarak iżżid il-passi jum wara jum!
- Tgħallem ħaġa ġdida – Għażel ħaġa sempliċi u li jaf issib utli f’ħajtek – bħal iżżid keffa, jew iżżid il-vokabolarju tiegħek f’lingwa billi titgħallem kelma ġdida kuljum, tista’ anke tkun bil-Malti.
- Oħloq rutina filgħodu. Tibda l-ġurnata bil-paċi billi tgħid lilek nnifsek li dal-jum se jkun jum pożittiv, jew kun grat għal aspett wiħed f’ħajtek; bħal saħtek, l-abbiltajiet tiegħek, l-imħabba madwarek, familtek, il-liberta’, sħabek etċ.
- Żomm kuntatt ma’ ħabib/a li forsi ma kellimthomx għal żmien twil. Messaġġ ikun biżżejjed.
- Agħmel att pożittiv kuljum. Jista’ jkun sempliċi bħal tgħid “grazzi” b’mod sinċier, tgħati kumpliment, jew tgħin lil xi ħadd fil-bżonn. Dawn l-affarijiet jaf jidrhu żgħar pero jagħmlu differenza kbira – lilek u lil ta’ madwarek.
- Ħu break diġitali darba fil-ġimgħa. Minflok taraw film, serje jew Tiktok, immarkaw ġurnata fejn int u l-familjari jew sħabek tilgħabu logħoba karti, Charades, eye-spy etċ.
- Qatta’ aktar ħin barra fin-natura. Anke jekk tagħmel mixja qasira f’park jew viċin tal-baħar darba fil-ġimgħa, il-ħin fil-beraħ jgħinek tirrilassa, taħseb b’mod aktar ċar, u ttejjeb il-burdata tiegħek!
Issa x’bżonn tagħmel biex tirnexxi?
- Tarax kbir – Aħseb fi sfidi realistiċi għalik.
- Ikkonsidra kemm għandek ħin u riżorsi.
- Żomm nota fuq dak li qed tagħmel, u faħħar ruħek meta jirnexxilek.
- Immira għal passi żgħar, iżda konsistenti.